Il-Pulizija rnexxielha ssolvi l-omiċidji kollha li seħħew bejn l-2018 u l-2024. Fil-fatt f’dan il-perjodu seħħew total ta’ 32 omiċidju, li dawn ġew solvuti kollha. Dan juri l-effiċjenza fil-Korp tal-Pulizija grazzi għall-investiment li qed isir fid-diversi Taqsimiet fi ħdanha.
Kien il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri li ta dan it-tagħrif fil-Parlament meta kien qed iwieġeb mistoqsija li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia.
L-istatistika li ppreżenta l-Ministru Camilleri tagħti ħarsa lejn in-numru ta’ każi ta’ omiċidji li seħħew mill-2008 ’il quddiem. Minn dan jirriżulta li l-2012 kienet l-aktar sena li fiha seħħew omiċidji – 10 b’kollox – u minnhom tlieta għadhom mhux solvuti.
Min-naħa l-oħra, is-snin li fihom ġew irreġistrati l-inqas għadd ta’ omiċidji kienu l-2021 u l-2023, b’żewġ każi f’kull sena rispettivament. Dawn il-każijiet kienu solvuti mill-Pulizija.
Fis-sena 2008 seħħew seba’ omiċidji, li minnhom erba’ kienu solvuti u tlieta għadhom mhux solvuti. Bejn l-2009 u l-2010 seħħew total ta’ tmien omiċidji (erba’ kull sena) u minn dawn ġew solvuti total ta’ sitt każijiet. Fl-2011 kienu solvuti t-tliet każi ta’ omiċidji li kienu ġraw f’dik is-sena.
Jirriżulta wkoll li fl-2013 seħħew sitt omiċidji u minn dawn tnejn għadhom mhux solvuti. Fis-sena ta’ wara wkoll seħħew sitt omiċidji, b’erbgħa minnhom għadhom mhux solvuti.
Fl-2015 seħħew erba’ każi ta’ omiċidji, bi tnejn ikunu solvuti u tnejn oħra għadhom mhux solvuti. Fl-2016 u fl-2017 seħħew ħames u disa’ omiċidji rispettivament. Mill-ħames każi reġistrati fl-2016 ġew solvuti tliet każijiet mentri mill-każi ta’ omiċidji li seħħew fis-sena ta’ wara ġew solvuti ħames każijiet.
L-omiċidji li ġraw fis-snin ta’ wara, li ġew solvuti kollha, huma kif ġejjin: 6 fl-2018, 3 fl-2019, 6 fl-2020, 2 fl-2021, 8 fl-2022, 2 fl-2023 u 5 fl-2024.