Saturday, April 20, 2024

Il-Pulizija twaqqaf fil-ħin sitwazzjoni li setgħet eskalat fi ġlied

Żewġ familji bi tfal żgħar mitluba jiċċaqilqu mill-post li kienu minn grupp li ġie warajhom

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Esperjenza xejn sabiħa għal żewġ familji li kienu qegħdin igawdu l-baħar il-Ħadd li għadda spiċċat b’wiċċ il-ġid grazzi għall-intervent effiċjenti u f’waqtu tal-Pulizija ta’ Malta. Minn ġurnata kwieta u rilassanti mal-familja, żewġ koppji sabu ruħhom f’diffikultà tant li s-sitwazzjoni setgħet eskalat fi ġlied minħabba provokazzjoni minn persuni li riedu jikkapparraw post pubbliku li fih kienu dawn iż-żewġ familji bit-tfal.

F’messaġġ ta’ ringrazzjament imtella’ fuq il-midja soċjali, persuna wriet l-apprezzament tagħha għall-għajnuna mill-awtoritajiet wara li grupp ta’ persuni marru fil-post fejn kienu dawn iż-żewġ familji u wliedhom. Hija qasmet l-esperjenza tagħha fejn qalet li bħalma jagħmlu s-soltu, kmieni filgħodu marru għal ġurrnata baħar bit-tfal fejn sabu biċċa għall-kwiet u armaw għall-frisk.

“Konna żewġ koppji bi tlett itfal żgħar. Wara xi tliet sigħat jew aktar ġew madwar sitt koppji u staqsewna kemm se ndumu hemm. Għidnielhom li se nagħmlu sa xit-8.00 ta’ filgħaxija. Wara ftit ġew jikkmandawna biex nitilqu għax hemm kien tagħhom… fejn joqogħdu huma s-soltu,” spjegat din il-persuna. 

Hija qalet li, bl-edukazzjoni kollha, għarrfuhom li ħdejn il-baħar huwa post pubbliku fejn kulħadd jista’ jagħżel fejn jixtieq joqgħod. Ġara li l-persuni fil-grupp li ġie warajhom fuq il-bajja baqgħu jinsitu li dak il-post kien tagħhom iżda ta’ qabilhom iddeċiedew li jibqgħu fuq il-post għax kienu huma li sabuh l-ewwel.

Jingħad li wieħed mill-persuni ddeċieda li jibda jipprovoka liż-żewġ familji fejn fost l-oħrajn huwa allegat li tefa’ biċċiet tal-injam fid-direzzjoni tagħhom u ġebel fil-baħar fejn kellhom it-tfal. Barra minnhekk, din il-persuna qalet li anke saru xi mossi ta’ indimidazzjoni. Is-sitwazzjoni bdiet tiskala minħabba li ż-żewġ familji beżgħu li se jweġġgħu lit-tfal. Għaldaqstant, bil-għan li ma jinqalax xi inċident jew ġlied, din il-persuna bagħtet messaġġ online lill-Pulizija ta’ Malta.

Hija qalet li l-Pulizija li għamlet kuntatt magħhom baqgħet magħha sal-aħħar. “Ħadu azzjoni immedjata meta spjegajtilhom x’inhu jiġri u ddeskrivejt persuna partikolari li kienet qiegħda taqbad magħna. Ġew il-Pulizija tad-Distrett u wara li kellmuhom, ħallewna bi kwietna”. 

Sport