Għaxar persuni midruba wara li sfaw attakkati b’sikkina fuq ferrovija ġewwa Tokyo

0
784

Għaxar persuni ndarbu wara li raġel attakka b’sikkina uħud mill-passiġġieri li kienu jinsabu fuq ferrovija ġewwa Tokyo.

Skont dak li ġie rrapputat fil-midja internazzjonali, is-suspettat, li għandu 36 senam, allegatament qal lill-pulizija li rrabja meta ra nisa li dehru kuntenti u ried li joqtolhom.

Waħda mill-vittmi kienet feruta serjament, filwaqt li l-oħrajn sofrew ġrieħi inqas gravi.

Il-kriminalità vjolenti hija rari fil-Ġappun u hemm miżuri ta’ sigurtà stretti f’Tokjo, li bħalissa qed tospita l-Olimpjadi.

Is-suspettat ħarab minn fuq il-post iżda aktar tard daħal f’ħanut u qal lill-ħaddiema li huwa kien “is-suspettat fl-inċident li kien irrappurtat fl-aħbarijiet”.

Minkejja li l-Ġappun huwa wieħed mill-iktar pajjiżi siguri fid-dinja, kien hemm numru ta’ attakki li fihom kienet involuta sikkina f’dawn l-aħħar snin.

Fl-2019, raġel attakka grupp ta’ tfal tal-iskola li kienu qed jistennew xarabank f’Kawasaki. Żewġ persuni nqatlu u mill-inqas 18 indarbu.