Saturday, May 4, 2024

Il-qerda tal-Coronavirus… kruċjali li l-R-Factor joqrob lejn iz-zero

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

Fil-medja tagħhom, il-pazjenti li jimirdu bil-Coronavirus jinfettaw tnejn min-nies oħra. Biex inwaqqfu din il-pandemija, hu importanti li l-l-kejl magħruf bħala R-Factor jonqos taħt il-livell ta’ 1 u dejjem joqrob lejn iż-żero. 

Bħala virus, l-R factor tiegħu hu ta’ bejn 2 u 2.5. Dan ifisser li kull persuna ġdida li tieħu l-virus ixxerrdu fost 2.2 persuni oħra. Dan ifisser li bħala virus, dan jista’ jittieħed aktar mill-influwenza staġjonali. 

Għalhekk wieħed irid jara x’jista’ jagħmel biex inaqqas dan l-R-Factor billi jieħdu l-miżuri preventivi li hemm bżonn. Jekk dan il-livell jonqos taħt il-livell ta’ 1, allura jkun ifisser li l-pandemija tasal fi tmiemha. 

Id-direttur tan-National Institute of Allergy and Infectious Diseases, Anthony Fauci spjega f’intervista ppubblikata fuq il-Ġurnal tal-American Medical Association li dan l-R Factor hu determinat skont il-popolazzjoni u jgħinek tiddeċiedi jekk it-tixrid hux jiżdied, jilħaq livelli kostanti jew inkella jonqos. 

Min-naħa l-oħra, il-biostatistician miċ-ċentru tar-riċerka dwar il-kanċer ta’ Fred Hutchinson u l-Università ta’ Washington, Elizabeth Halloran spjegat li ma jistax ma jkunx hemm R Factor zero f’popolazzjoni. 

Meta l-R factor ikun ta’ 1 dan ikun ifisser li fil-medja tagħha, persuna li tieħu l-virus tgħaddieh lil persuna oħra u allura l-marda tkun qiegħda tinfirex b’rata stabbli. Imbagħad jekk l-R Factor jonqos taħt il-1, allura l-marda jkun ifisser li qiegħda tonqos u eventwalment tinqered bil-mod. 

Għalhekk huma bżonnjużi l-miżuri ta’ kontroll biex kemm jista’ jkun in-nies ma jiġux viċin xulxin u ma jittrażmettux il-virus. Kif persuna oħra tiġi infettata, jiddependi fuq diversi ċirkostanzi li jinkludu l-mod kif il-virus jiġi trażmess; jekk virus ikunx infettiv waqt il-perjodu tal-inkubazzjoni; kemm idum il-perjodu tal-inkubazzjoni u kemm persuni oħra l-persuna medja jkollha kuntatt magħhom. 

Miżura li hi importanti mmens biex jonqos l-R-Factor hi d-distanza soċjali. Fil-fatt, hu pprovat li malli jidħlu miżuri drastiċi fejn in-nies ma jiltaqgħux flimkien, dan il-fattur jonqos u r-rata ta’ każi ġodda wkoll.

Hu pprovat li malli jidħlu miżuri drastiċi fejn in-nies ma jiltaqgħux flimkien, dan il-fattur jonqos u r-rata ta’ każi ġodda wkoll.

Il-biża’ hi li ladarba jitneħħew il-miżuri ta’ lockdown, jerġa’ jkun hemm żieda ta’ każi ġodda. Għalhekk grupp ta’ riċerkaturi minn Harvard qed jissuġġerixxu li jkun hemm perjodi minn żmien għall-ieħor ta’ distanza soċjali li jistgħu jibqgħu neċessarji sal-2022. 

Imbagħad, wisq probabbli permezz ta’ vaċċin, il-komunitajiet u l-pajjiżi jibdew jiżviluppaw immunità u b’hekk il-virus ma jkunx jista’ jkompli jinfirex. Madankollu, l-esperti jaqblu bejniethom li s’issa għadna ‘l bogħod milli nilħqu l-livell ta’ immunità fil-komunità. 

Fil-fatt, l-epidemoloġista Marc Lipsitch mill-Università ta’ Harvard qal li l-R-Factor tal-Coronavirus hu simili għal dak tal-influwenza pandemika tal-1918 u għalhekk biex tintemm l-epidemija jrid ikun hemm mill-inqas nofs il-popolazzjoni li jkollha l-immunità, jew permezz ta’ vaċċin, jew inkella permezz tal-infezzjoni naturali. 

Sport