Saturday, December 28, 2024

“Il-Qorti mhix se tittollera vjolenza fuq membri tal-Pulizija”- il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech

- Disa’ xhur ħabs wara li darab Surġent u għamel ħsara f’ħames karozzi

Aqra wkoll

“Il-Qorti mhix se tittollera vjolenza fuq membri tal-Pulizija jew ta’ xi forza tal-ordni oħra. Il-Qorti trid tgħaddi messaġġ ċar li f’Malta m’hemmx post għal liġi tal-ġungla u min mhux lest jaġixxi ta’ nies, iġib ruħu b’mod ċivilizzat, għandu jieħu l-ħaqq. Min hu anti-soċjali, min mhux kapaċi jġib ruħu ċivilment, ċertament m’għandux postu fis-soċjetà. Għal min jaħseb li hu ‘l fuq mil-liġi, se tkun l-istess liġi li ssiblu postu.”

Saħqet dan il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech f’sentenza li fiha kkundannat żagħżugħ Spanjol għal disa’ xhur priġunerija wara li ammetta li għamel ħsara volontarja fuq diversi karozzi u darab ħafif Surġent tal-Pulizija f’San Ġiljan. 

Fil-Qorti, Jon Vila Jauregui wieġeb ħati li nhar is-16 ta’ Awwissu li għadda vvandalizza ħames karozzi, li hedded u attakka surġent waqt il-qadi ta’ dmirijietu u li kien fis-sakra b’mod li ma jistax jieħu ħsieb tiegħu nnifsu f’post pubbliku.

Dwar il-piena, il-Qorti kkunsidrat l-ammissjoni bikrija tiegħu, il-fatt li wera koperazzjoni mal-awtoritajiet investigattivi, il-fedina penali tiegħu u ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ. 

Madankollu qalet li ma setgħetx tinjora l-fatt li dan il-ġuvnott, li fi kliemu jinstab Malta fuq il-premessa li ġie jaħdem bħala party/events promoter ma’ postijiet ta’ divertiment f’San Ġiljan, għoġbu jwettaq ħsarat fuq proprjetà ta’ terzi sempliċiment għall-gost u pjaċir tiegħu u dan meta fi kliemu kien xorob ħafna.

Kien għalhekk li sabitu ħati tal-akkużi u kkundannatu piena ta’ disa’ xhur priġunerija u multa ta’ €5,000. Fl-istess waqt, ordnatlu jagħti kumpens ta’ aktar minn €3,200 lill-vittmi. 

Ekonomija

Sport