Saturday, December 28, 2024

“Il-verità kienet li Joseph salva persuna … kien iddispjaċut imma ma fetaħx ħalqu”

Ħabib tal-pumpier li miet ilbieraħ jgħid li ma felaħx iżomm iżjed dwar każ li seħħ fl-2021

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Joseph tant kien umli u saqajh mal-art li dejjem ġab lid-Dipartimet l-ewwel u qabel kollox. Inħoss li ma nistax nibqa’ aktar fommi sieket dwar dak li ġara f’Novembru tal-2021”. Hekk beda biex jiddikjara ma’ Talk.mt, Anton Cutajar – ħabib kbir tal-pumpier Joseph Zammit li tilef ħajtu fl-aħħar sigħat.

Cutajar kompla biex jgħidilna li Zammit kien iddispjaċut dwar il-każ fejn żagħżugħ spiċċa seraq l-attenzjoni kollha tal-midja wara li qabeż il-baħar biex isalva tfajjel Ċiniż mill-għarqa. Dan hekk kif iż-żagħżugħ kien saħansitra ġie rikonoxxut mill-istat għall-qlubija tiegħu. 

“Joseph kien iċempilli ħafna u kien qalli li fil-verità hu kien kruċjali biex it-tfajjel u raġel Libjan li qabeż biex jgħinu (iżda sab ruħu f’diffikultà minħabba l-qilla tal-mewġ) setgħu jittellgħu fuq l-art. Li ġara huwa li l-camera tal-midja kienet iffukat fuq persuna waħda li kienet qiegħda tiġi salvata, b’Zammit jitħabat mal-qilla tal-baħar biex isalva persuna oħra. Dan kollu jinsab dokumentat f’filmat li ħareġ xi jiem wara mill-istazzjon Nazzjonali”, kompla biex jgħidilna. 

F’kuntatt ma’ Talk.mt, Cutajar qalilna li trabbew flimkien u li ħass li kellu jaqsam din l-esperjenza mal-pubbliku għax bl-umiltà kollha tiegħu Joseph qatt ma kien se jħallih jaqla’ dan l-episodju tal-passat.

Infatti qalb il-kaos fl-ewwel filmat ippubblikat fl-10 ta’ Settembru 2021, Joseph jidher tiela’ għasra minn ġol-baħar, iżda bħal donnu baqa’ għaddej lejn sħabu tad-dipartiment bla ma prova biss jieħu xi forma ta’ mertu għall-qlubija tiegħu.

Ekonomija

Sport