Tuesday, April 30, 2024

Il-Victim Support Agency b’servizzi fil-qalba tal-komunità

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri ħabbar estensjoni tas-servizzi li toffri l-Victim Support Agency hekk kif ser jinfetħu tliet uffiċini ġodda fil-qalba tal-komunità. L-għan hu li jkun hemm uffiċini reġjonali fin-Nofsinhar u fit-Tramuntana tal-pajjiż kif ukoll f’Għawdex biex is-servizzi offruti mill-aġenzija jilħqu aktar persuni.

Il-Ministru Camilleri spjega li bit-twaqqif ta’ din l-aġenzija f’Mejju li għadda, mhux biss kienet implimentata b’mod sħiħ miżura oħra tal-manifest, iżda kien sostnut l-impenn tal-gvern favur il-vittmi tal-kriminalità.  “Sodisfatt li fl-ewwel erba’ xhur mit-twaqqif tal-Victim Support Agency kienu assistiti kważi tliet mitt persuna li sfaw vittma ta’ forma jew oħra ta’ kriminalità,” qal il-ministru.

L-ewwel uffiċċju mistenni jinfetaħ fl-aħħar tas-sena f’Santa Luċija, hekk kif dan is-sit se jkun qed jaqdi l-ħtiġijiet tan-naħa ta’ isfel tal-pajjiż filwaqt li bħalissa għaddejjin negozjati biex jiġi identifikat sit fin-naħa ta’ fuq u anke f’Għawdex. Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ġie ffirmat Memorandum ta’ Ftehim bejn il-Victim Support Agency u l-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija li se jkunu qed jipprovdu s-sit minn fejn l-aġenzija se tkun qed topera.

Fid-diskors tiegħu, il-kap eżekuttiv tal-aġenzija Brian Farrugia qal li l-ewwel erba’ xhur tal-aġenzija wrew kemm kien hawn bżonn ta’ dawn is-servizzi hekk kif kuljum qed jersqu ’l quddiem aktar persuni li jsaqsu għall-għajnuna. Spjega li t-twaqqif tal-Victim Support Centres madwar Malta u Għawdex se jgħin biex ikun hawn aktar għarfien dwar id-drittijiet tal-vittmi. Is-Sur Farrugia sostna li l-kunsilli lokali ser ikollhom rwol importanti biex jgħinu lill-aġenzija torganizza community outreach programmes sabiex nassiguraw li l-aġenzija tkun eqreb tal-komunitajiet.

Sport