Friday, May 17, 2024

Ara: L-SCSA b’app ġdida għall-anzjani biex iwasslu l-ilment tagħhom

Aqra wkoll

Bil-għan biex l-anzjani li jgħixu f’xi dar residenzjali, jew il-qraba tagħhom, ikunu jistgħu jsemmgħu iktar leħinhom u jwasslu l-kummenti tagħhom b’mod aktar faċli, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali (SCSA) għadha kemm nediet applikazzjoni diġitali.

Permezz ta’ din l-app innovattiva, l-anzjani jistgħu jibagħatu direttament lil din l-Awtorità f’każ li jesperjenzaw xi nuqqasijiet, jew f’każijiet aktar gravi minn hekk, ikunu qegħdin jiġu abbużati.

Dawk li jixtiequ jagħmlu dan, jistgħu faċilment jibagħatu l-messaġġ tagħhom lill-Awtorità sew jekk hux bil-kitba jew permezz ta’ filmati.

Għal min jixtieq, l-anzjani jistgħu jagħmlu dan b’mod anonimu iżda preferibilment l-aħjar huwa li jagħtu d-dettalji tagħhom biex b’hekk l-Awtorità tkun tista’ tinvestiga aħjar. L-Awtorità qed tagħti s-serħan tal-moħħ li d-dettalji li jirċievu se jinżammu b’mod sigur u li bihom hija tkun tista’ tinvestiga minnufih.

Jekk tixtieq tagħmel dan, żur is-sit www.scsa.gov.mt u agħfas fuq ‘ikkuntattjana’. Malli tinfetaħ il-paġna, agħfas fuq il-buttuna ‘rispons’ u din se tieħdok fil-formula tar-rispons li tista’ tiġi aċċessata minn https://feedbackscsa.gov.mt.. Minn hemmhekk, agħfas id-dar tal-anzjani li tixtieq tibgħat rispons dwarha u għażel it-tip ta’ rispons li tixtieq tgħaddi lill-SCSA.

Segwi dan il-filmat informattiv fejn se jispjegalek il-proċess kollu li għandek tagħmel f’dan ir-rigward: 

YouTube video

Sport