Tuesday, May 14, 2024

Il-VIŻJONI TIEGĦI FEJN JIDĦLU Ż-ŻGĦAŻAGĦ

Aqra wkoll

Jikteb Dario Vella, Sindku tal-Mellieħa u Kandidat mal-Partit Laburista 12 u 10 distrett

Spiss nisimgħu li ż-żgħażagħ huma l-mexxeja tal-futur. Ma naqbilx 100 fil-mija ma’ min jgħid li ż-żgħażagħ huma l-mexxejja tal-futur madanakollu, għax nemmen li ż-żgħażagħ għandhom imexxu wkoll fil-preżent, u mhux biss fil-futur.

Tul is-snin rajna diversi riformi jidħlu fis-seħħ f’pajjiżna… riformi li lkoll b’xi mod jew ieħor dejjem ġew imbuttati miż-żgħażagħ. Ma nistax ma nsemmix hawnekk ir-riformi fejn tidħol id-dikriminalizzazzjoni tal-kannabis, id-drittijiet ċivili, u anke żidiet f’miżuri soċjali inkluż fejn jidħlu l-istipendji fost l-oħrajn. Apparti hekk, kienu ż-żgħażagħ ukoll li mbuttaw l-idea tal-Vot Sittax, idea li ser twassal biex f’din l-elezzjoni jkollok eluf aktar ta’ żgħażagħ li ser ikunu jistgħu jesprimu l-opinjoni demokratika tagħhom biex jeleġġu min iridu li jirrapreżenthom, imma wkoll min imexxi l-pajjiż.

Dawn ilkoll huma riformi tajbin, u riformi li kien hemm bżonnhom ukoll. Madanakollu, apparti l-ideat u l-ħsibijiet taż-żgħażagħ, nemmen li nistgħu nieħdu wkoll l-involviment tagħhom dirett. Ngħid hekk bħala żagħżugħ li mmexxi l-lokalità tal-Mellieħa fl-irwol tiegħi ta’ Sindku, imma ngħid hekk ukoll bħala attivist fejn tidħol il-politika nazzjonali.

Fl-opinjoni tiegħi, huwa tajjeb li nikkonsultaw maż-żgħażagħ kemm jista’ jkun. Biss però ma rridux nitrattaw il-konsultazzjoni bħala ‘checklist’, li trid issir kemm jista’ jkun malajr, u bl-aktar mod faċli. 

Aktar minn hekk madanakollu rridu nħeġġu aktar żgħażagħ jersqu lejn il-politika. Irridu aktar żgħażagħ jissieħbu f’organizzazzjonijiet diversi, fi pressure groups lokali, nazzjonali u anke internazzjonali. Iva, għaliex le…irridu aktar żgħażagħ jikkandidaw ruħhom għall-elezzjonijiet ġenerali u dawk tal-Parlament Ewropew ukoll. 

Spiċċa ż-żmien li l-politiċi tagħna jkunu kollha nies ta’ fuq l-erbgħin. Anzi, l-Partit Laburista ħadem bis-sħiħ biex inkunu nistgħu naraw li l-Parlament jirrifletti aktar il-popolazzjoni Maltija mill-aspett ta’ ġeneru. Ngħid jien, illi l-Parlament mhux biss irid jirrifletti l-popolazzjoni mill-aspett ta’ ġeneru, imma wkoll mill-aspett ta’ ġenerazzjonijiet differenti u mentalitajiet u ħsibijiet aktar moderni wkoll. 

Fid-dinja tal-lum, ma tistax tirnexxi mingħajr esperjenza. Madanakollu, jekk m’int ser toffri xejn ġdid u xejn innovattiv, xorta m’int ser tasal imkien. Kif jinsabu l-affarijiet, nemmen li kemm bħala Partit, u kif ukoll bħala pajjiż, diġa għandna l-esperjenza neċessarja biex nimxu l’quddiem. Li fadal issa huwa li naħdmu iżjed fuq l-aspett innovattiv biex verament nilħqu l-potenzjal tagħna.

Għalhekk qed inpoġġi ismi bħala kandidat għall-elezzjoni ġenerali: għaliex verament nemmen li flimkien, nistgħu naslu. Mhux jien bħala Dario. Mhux il-Laburisti bħala Partit. Imma l-Maltin kollha bħala tim Malta: żgħażagħ, nies t’esperjenza, nisa’ u rġiel. 

Sport