Saturday, December 28, 2024

Il-Wirja tal-Arti inwaħħdu xbihat minn kullimkien estesa b’sessjoni speċjali t’ qari ta’ poeżija għall-pubbliku

Aqra wkoll

Wara rispons mill-aktar pożittiv min-naħa tal-pubbliku, il-Bank of Valletta, bi pjaċir iħabbar l-estensjoni tal-wirja tal-arti tiegħu Inwaħħdu Xbihat Min Kullimkien fil-MUŻA, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti fil-Belt Valletta. Oriġinarjament skedata li tibqa’ għaddejja sat-8 ta’ Settembru, il-wirja issa se tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sas-6 ta’ Ottubru 2024.

Din l-estensjoni tippermetti li aktar viżitaturi jesploraw il-kollezzjoni estensiva ta’ arti Maltija moderna u kontemporanja tal-Bank. Ikkurata mill-Prof. Keith Sciberras, il-wirja tippreżenta xenarju għani ta’ espressjoni artistika Maltija mis-snin sebgħin sal-bidu tas-snin 2000, li fiha hemm għall wiri 58 xogħol minn 31 artist lokali prominenti. Il-kollezzjoni tirrifletti varjetà ta’ stili, temi, u influwenzi, u toffri stampa komprensiva tal-evoluzzjoni tal-arti Maltija matul is-snin.

Imħabbar Qari Speċjali ta’ Poeżija minn Immanuel Mifsud

Minbarra l-estensjoni tal-wirja, il-Bank jinsab eċitat li jospita sessjoni speċjali ta’ qari ta’ poeżija mill-poeta u kittieb rinomat Malti, Dr Immanuel Mifsud, li kellu rwol ċentrali fl-għażla tax-xogħlijiet ta’ Achille Mizzi biex jakkumpanjaw il-biċċiet tal-arti viżiva għall-wiri. Dr Immanuel Mifsud ikkollabora mal-kuratur Prof Keith Sciberrras biex jgħaqqad il-poeżija mal-arti viżiva, u ħoloq djalogu uniku bejn dawn iż-żewġ forom ta’ arti li jsaħħaħ l-esperjenza tal-wirja. “Il-poeżija u l-arti viżiva dejjem qasmu djalogu profond, kull wieħed jarrikkixxi lill-ieħor b’saffi ta’ tifsira u emozzjoni. B’kollaborazzjoni mal-Prof. Keith Sciberras, għażilna li ndaħħlu x-xogħlijiet bikrija ta’ Achille Mizzi f’din il-wirja, bil-għan li noħolqu esperjenza li tkun stimulanti kemm viżwalment kif ukoll intellettwalment,” sostna Dr Mifsud. “Nistenna bil-ħerqa li naqsam il-kliem evokattiv ta’ Mizzi u poeti oħra mal-viżitaturi, nistedinhom jaraw u jħossu x-xogħlijiet tal-arti f’dawl ġdid, u forsi anke jiskopru konnessjoni aktar profonda mal-kultura Maltija.”

Din is-sessjoni ser tittella’ nhar il-Ħamis 5 ta’ Settembru fis-19.00 fl-istess gallarija fejn hemm il-wrija. Hija miftuħa għall-pubbliku; madankollu, l-attendenza hija biss permezz ta’ applikazzjoni minħabba postijiet limitati. Is-siġġijiet se jkunu allokati fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel. Biex japplikaw għal siġġu, dawk interessati huma mħeġġa jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom permezz ta’ din il-link https://forms.office.com/e/m6kDBnAQUp

Avvenimenti esklussivi għall-Impjegati tal-BOV

Bħala parti mill-impenn tiegħu li jsaħħaħ l-esperjenza kulturali tan-nies tiegħu, il-Bank ospita sessjoni esklussiva ta’ qari ta’ poeżija kif ukoll mixja esibittiva mmexxija mill-kuratur għal ħaddiema tiegħu matul ix-xahar ta’ Awwissu. Dawn l-avvenimenti offrew opportunità unika għall-ħaddiema biex jimpenjaw ruħhom mal-arti u l-poeżija Maltija fuq livell aktar profond, u jsaħħu l-fehim tagħhom tat-temi tal-wirja tal-Karta, id-Dinja u l-Moħħ.

Ingħaqad magħna Fiċ-Ċelebrazzjoni tal-Arti u l-Poeżija Maltija

Kif qal Charles Azzopardi, il-Kap tas-CSR & Events tal-Bank, “Fil-Bank of Valletta, l-impenn tagħna li nappoġġaw l-arti mhuwiex biss li nuru t-talent, iżda li nrawwmu apprezzament aktar profond tal-wirt kulturali tagħna. Billi nwessgħu l-wirja u nospitaw avvenimenti uniċi bħas-sessjoni tal-qari tal-poeżija, aħna nimmiraw li nipprovdu lill-komunità tagħna b’aktar opportunitajiet biex tinvolvi ruħha mal-wirt kulturali għani ta’ Malta.” Dawn l-inizjattivi, li jiffurmaw parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 Anniversarju tal-Bank, jallinjaw mal-impenn kontinwu tal-BOV biex jappoġġja l-arti u l-kultura lokali bħala parti mill-investiment fil-komunità tiegħu.

Ekonomija

Sport