Saturday, October 10, 2026
Home Sport Malta Premier League: Valletta jegħlbu lil Birkirkara b’goal f’kull taqsima

Malta Premier League: Valletta jegħlbu lil Birkirkara b’goal f’kull taqsima

0
58
Ritratt: Dominic Borg

BIRKIRKARA……………. 0

VALLETTA……………….. 2

Valletta kisbu rebħa importanti ta’ 2-0 kontra Bir­kirkara fis-seba’ konfront tagħ­hom fl-ewwel fażi tal- Opening Round tal-VBET Malta Premier.

Kif kien mistenni, il- konfront kien wieħed ferm kumbattut, biż-żewġ naħat ikollhom il-mumenti tagħhom. Birkirkara iżda fallew diversi opportunitajiet, filwaqt li Valletta kienu aktar konkreti quddiem il-lasta u għarfu jisfruttaw l-okkażjonijiet li ġewhom.

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet fit-tmien minuta meta Radic tefa’ ballun fil-baxx mil-lemin lejn Conceicao, li pprova jdawwar lejn il-lasta iżda l-konklużjoni tiegħu għaddiet ftit għoli.

Minuta wara, Azzopardi approfitta minn żball tal-goalkeeper ta’ Birkirkara Ebogo, kiseb il-pussess qrib il-kaxxa iżda x-xutt tiegħu falla l-mira.

Birkirkara wieġbu fil-11-il minuta b’ballun twil fid-direzzjoni ta’ Amarildo, iżda Bicakcic antiċipa taj­jeb bir-ras u tefa’ lura lejn il-goalkeeper Aguero dos Santos.

Fit-13-il minuta Valletta talbu l-użu tal-Video Support wara kuntatt fil-kaxxa bejn Prsa u Ribeiro. Ir-re­feree Alex Johnson mar jara l-filmati, iżda wara r-re­viżjoni ddeċieda li ma kienx hemm irregolarità u l-logħob kompla.

Birkirkara bdew jersqu aktar ta’ spiss lejn il-lasta avversarja u fit-23 minuta Amarildo ttanta xortih mill-bogħod, bil-ballun jgħaddi ftit barra. Sitt minuti wara waslet waħda mill-aqwa opportunitajiet tal-Istripes meta Ribeiro sab ruħu f’pożizzjoni tajba fil-kaxxa iżda minn distanza viċina ma rnexxielux jikkonkludi.

Fl-40 minuta Santos għal Birkirkara pprova b’xutt minn barra l-kaxxa, iżda Aguero dos Santos kien attent u salva.

Minkejja l-pressjoni ta’ Birkirkara, kienu Valletta li marru fil-vantaġġ fit-43 minuta. Mbende beda l-azzjoni b’ballun twil ’il quddiem, Ribeiro pprova jindirizza lura bir-ras lejn il-goalkeeper tiegħu, iżda Zammit kien attent għall-iżball. L-attakkant Belti seraq il-ballun, avvanza fil-kaxxa u minkejja l-pressjoni tal-captain Muscat, għeleb lil Ebogo għal 1-0, riżultat li bih għalqet l-ewwel taqsima.

Fil-51 minuta Garzia ħa­rab minn mal-avversarju tiegħu u tefa’ cross interessanti lejn Brewer, iżda dan tal-aħħar ma rnexxielux jagħmel kuntatt tajjeb biex jikkonkludi.

Minkejja t-tentattivi ta’ Birkirkara biex jerġgħu jid­ħlu fil-partita, minuta biss wara Valletta sabu t-tieni goal.

Ebogo rnexxielu jtajjar l-ewwel ballun iżda dan spiċċa għand is-sostitut, Petar Sekulovic, li mill-viċin ma żbaljax u għamilhom 2-0.

Birkirkara baqgħu jfittxu l-goal li seta’ jerġa’ jiftaħ il-konfront u fil-81 minuta, wara throw-in twil, il-ballun wasal għand Pahama li pprova xutt iżda l-konklużjoni tiegħu għaddiet ftit barra.

Lejn it-tmiem Valletta komplew jamministraw il- vantaġġ tagħhom u saħansit­ra resqu ferm qrib it-tielet goal meta, minn free-kick, Mbende għola tajjeb u dawwar bir-ras, iżda l-ballun stampa mal-lasta.

Fl-aħħar mill-aħħar kie­nu l-partitarji Beltin li ħarġu bid-daħka mill-Istadium Nazzjonali filwaqt li dawk ta’ Birkirkara kienu ferm diżappuntati li ħarġu b’idejhom vojta.

Birkirkara: Joseph Fabrice Ondoa Ebogo, Bernardo Wesley Frazan, Rafael Vicente Ferreira (Kemar Reid 46), Jan Busuttil (Jose Fernando Gomes Junior 46), Zach Muscat, Franklin Sasere, Shaft Keith Brewer Jr, Pablo Gabriel Sousa Alves, Aleandro Garzia (Jefferson Vitor Da Silva 67), Kadu Ribeiro Durval (Jake Vassallo 46), Amarildo Aparecido De Souza Junior (Louis M’Vemba Ndualu 72)  – Coach: Paul Zammit

Valletta:  Adilson Aguero Dos Santos, Ermin Bicakcic, Andrea Zammit (Keyon Ewurum 67), Bruno Gomes De Oliveira Conceicao (Alex De Aguiar Gomes 82), Brandon Diego Paiber, Jake Azzopardi, Diogo Joao De Figueiredo Tavares, Roko Prsa (Petra Sekulovic 58), Moise Emmanuel Mbende, Sava Radic, Manuel Ignacio Morello (Mattias Ellul 82)  – Coach: Thane Micallef

Referee: Alex Johnson

assistenti: Jurgen Spiteri, Shaun  Calleja

Raba’ Uff.: Emanuel Grech

Skorers: A. Zammit 43, P. Sekulovic 74 (V)

Ammoniti: B. Paiber, M. Mbende, P. Sekulovic, M. Morello (V); J. Gomes Junior (B)

Player tal-Logħba: Brandon Paiber (Valletta)

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here