Marsaxlokk ………….2
Zabbar SP …………….1
Marsaxlokk kisbu rebħa ta’2-1 fuq Żabbar St Patrick, grazzi għal żewġ gowls skorjati fl-ewwel taqsima li fl-aħħar mill-aħħar kienu biżżejjed biex aċċertawlhom it-tliet punti.
Fis-seba’ minuta waslet l-ewwel okkażjoni perikoluża għal Żabbar St Patrick meta Thomas Mellilo sab ruħu f’pożizzjoni tajba viċin il-lasta, iżda Christoffer Mafoumbi kien attent u salva. Seba’ minuti wara, Frank Guahon Pah ipprova jhedded il-lasta ta’ Marsaxlokk, bil-ballun jispiċċa għoli.
Żabbar komplew ifittxu l-gowl u fis-17-il minuta Vinicius Mendonca ġiegħel lil Mafoumbi jintervjeni, biex imbagħad mir-rebound Nicolas Lancioni ma rnexxilux iżomm il-konklużjoni tiegħu baxxa.
Il-logħba ħadet żvolta fil-21 minuta. Wara free-kick mogħti minn Nikolai Muscat, Lancioni deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa u r-referee ordna penalty. Wara li l-azzjoni ġiet iċċekkjata permezz tal-FVS, id-deċiżjoni baqgħet l-istess. Joseph Minala inkariga ruħu mill-għoti tal-penalty u kkonverta biex ta l-vantaġġ lil Marsaxlokk.
Żabbar ma qatgħux qalbhom u fl-34 minuta kienu viċin ħafna li jġibu d-draw meta, minn free-kick, Guahon Pah għola tajjeb u laqat bir-ras, bil-ballun jgħaddi jħakkek mal-lasta.
Minflok, proprju minuta wara, wasal it-tieni gowl ta’ Marsaxlokk. Dodo Soares approfitta minn nuqqas ta’ ftehim fid-difiża Żabbarija u kkonkluda b’suċċess għal 2-0, skor li baqa’ ma nbidilx sal-ħin tal-mistrieħ.
Żabbar St Patrick bdew it-tieni taqsima fuq l-offensiva hekk kif bdew ifittxu li jnaqqsu l-iżvantaġġ ta’ żewġ gowls.
Fis-56 minuta, Joao Camargo ipprova direttament minn free-kick, iżda Christoffer Mafoumbi kien f’pożizzjoni tajba u rnexxielu jdawwar il-ballun f’corner.
Żewġ minuti wara, cross mil-linja xellugija sab lis-sostitut Jake Micallef, li iżda ma laqatx il-ballun kif xtaq u l-konklużjoni tiegħu marret barra.
Fit-63 minuta, Mario Fontanella, li wkoll kien daħal bħala sostitut, ipprova xutt lejn il-lasta, iżda dan kien wisq ċentrali u dgħajjef biex joħloq problemi lil Mafoumbi.
Żabbar komplew jinsistu u minuta wara Agyemang kien ferm viċin li jnaqqas id-distakk. Ix-xutt tiegħu deher destinat lejn il-lasta, iżda Mafoumbi salva b’siequ b’intervent mill-aqwa biex żamm il-vantaġġ ta’ Marsaxlokk.
Fit-83 minuta kien Jose Arias għal Marsaxlokk li impenja lil Patrik Mohorovic li laqa’ tajjeb.
Żabbar St Patrick irnexxielhom inaqqsu d-distakk fis-87 minuta meta Mario Fontanella sab ix-xibka mill-viċin u għamilhom 2-1.
Il-gowl iżda wasal tard wisq biex ibiddel l-andament tal-konfront, b’Marsaxlokk iżommu l-vantaġġ sal-aħħar u jiksbu t-tliet punti, filwaqt li Żabbar ħarġu mill-Istadium Nazzjonali b’idejhom vojta.
Marsaxlokk: Christoffer Henri Mafoumbi, Oualid El Hasni, Enrico Pepe, Nikolai Muscat (C), Jose Ulises Arias (Weder Soares 90 min), Rasmus Dupont Linden (Semir Smajlagic 70 min), Jorge Ailton Soares (Domantas Simkus 78 min), Juan Carlos Corbalan, Matias Nicolas Garcia (Redon Mihana 70 min) , Joseph Marie Minala (Triston Caruana 78 min), Leandro Damian Aguirre.
Kowċ: Vincenzo Potenza
Żabbar St Patrick: Patrik Mohorović, Karlo Bručić, Nicolas Francisco Lancioni (Nicholas James Agius 69 min), Joao Henrique Camargo Mafra, Milos Jovičić (Alfredo Agyeman 46 min), Jurgen Pisani, Frank Gouhon Pah (Charles M’Mombwa 46 min), Strahinja Jovančić (C), Zean Leonardi, Vinicius Mendonca Santa Rosa (Mario Fontanella 62 min), Thomas Mellilo (Jake Micallef 55 min).
Kowċ: Adolfo Sormani
Referee: Joseph Scerri
Assistenti: David Castillo, Robert Curtis
Ir-Raba’ Uffiċjal Raiden Psaila
Imwissija: Zean Leonardi, Jake Micallef (Ż) Nikolai Muscat (M)
Plejer tal-Logħba: Dodo Soares (Marsaxlokk)



