Raġel mixli li sawwat lis-sieħba tiegħu u heddidha b’pistola ġie lliberat mill-akkużi wara li l-allegata vittma ddikjarat fil-Qorti li ma riditx tixhed kontrih.
Ir-raġel ta’ 33 sena kien tressaq il-Qorti x-xahar lii għadda mixli li weġġa’ ħafif lis-sieħba tiegħu, heddidha u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni kienet allegat li l-imputat kien daħħal lis-sieħba fil-karozza, saq f’post remot u allegatament beda jsawwatha u jheddida b’pistola. Intqal li l-pulizija ma kienx irnexxielhom isibu din l-arma.
Meta kien tressaq il-Qorti b’rabta ma’ dan l-allegat każ, l-allegata vittma kienet qalet li ma riditx tipproċedi kontrih, għaliex huwa kien iħobbha u ma riditx li jispiċċa l-ħabs.
Il-Maġistrat iżda kienet iddeċidiet li l-każ kellu jibqa’ għaddej. Meta l-każ kompla jinstema’ fit-30 ta’ Diċembru li għadda,quddiem Maġistrat differenti, is-sieħba tal-imputat għat-tieni darba reġgħet uriet ix-xewqa li jitwaqqgħu l-akkużi kontrih.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Abigail Critien laqgħet it-talba tagħha filwaqt li nnotat li l-allegata vittma kienet saħqet li ma kinitx qed tiġi mġiegħla jew kellha xi pressjoni biex twaqqa’ l-akkużi u saħansitra rrifjutat li jkollha aktar żmien biex tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha. B’hekk waqa’ l-każ u l-imputat ġie lliberat.
L-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit dehru għall-imputat mentri l-Avukat Charles Mercieca. deher għall-allegata vittma.