Friday, May 3, 2024

Illum Malta tilgħab kontra l-Iżrael f’partita ta’ ħbiberija

Aqra wkoll

Illum, Malta tospita lill-Iżrael fl-Istadium Nazzjonali għal partita ta’ ħbiberija. 

Bla dubju, wara t-telfa diżappuntanti ta’ 2-1 kontra l-Estonja, valida mill-UEFA Nations League, dan il-konfront ftit li xejn għandu importanza. 

Il-coach nazzjonali, Devis Mangia, irid jagħraf kif jgħolli l-moral tal-players li bħalissa huwa ferm baxx wara li l-objettiv ewlieni ma ntlaħaqx. 

Fil-logħba kontra l-Estonja, li ntlagħbet f’Tallinn, il-Maltin lagħbu għal taqsima sħiħa bi player inqas wara t-tkeċċija tad-di­fensur Jean Borg fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima.  

Fil-veritá, il-wirja kienet diżappuntanti u minkejja li ksibna d-draw permezz ta’ penalty skorjat minn Teddy Teuma, kienet diffiċli biex nagħmlu reazzjoni minħabba l-fatt li l-avversarji rtiraw lura biex jissalvagwardjaw ir-riżultat konxji mill-fatt li l-Maltin riedu jiskorjaw żewġ goals biex jiksbu l-promozzjoni għal League C. 

Anke l-fatt li gawdejna ħafna mill-pussess tal-ballun, ma konniex daqstant pe­rikolużi minħabba li qatt ma nkwadrajna xutt fil-lasti. 

U meta ppruvajna nagħmlu dan … ikkommettejna żball f’nofs il-ground u kkastigawna bit-tieni goal. 

Peró issa hemm bżonn li ssir l-”awtopsja” u nħarsu ‘l quddiem. Iżda wieħed irid japprezza l-fatt li l-għażla tal-coach nazzjonali hija waħda limitata u l-influss tal-players barranin fil-kampjonat domestiku jibqa’ ta’ detriment kbir għat-team nazzjonali. 

Din il-partita tal-lum għandha tintuża biex jinbena futur ġdid u Devis Mangia (rit­ratt) għandu jkompli jibni fuq il-pedamenti li diġá għandu. Wara l-Iżrael se nilagħbu kontra l-Irlanda f’Novembru li ġej … u għaldaqstant bejn logħba u oħra se jkun hemm differenza ta’ xahrejn. 

F’konferenza tal-aħbarijiet, Mangia sostna li se jkun hemm bosta bidliet:

“Se jsiru bosta bidliet biex naraw il-wirjiet ta’ dawk il-players li fil-passat ma ngħatawx  l-ispazju meħtieġ matul il-logħbiet internazzjonali passati.”

“L-għan huwa li ngħinu lill-players individwali kif ukoll lit-team biex itejbu l-prestazzjoni tagħhom u jiksbu aktar esperjenza fit-tħejjija għall-partiti internazzjonali li jmiss, jiġifieri, dawk tar-round ta’ kwalifikazzjoni tal-EURO 2024,” sostna Mangia  

Waqt li tkellem dwar is-sistema adottata minnu, huwa spjega li waqt il-konfront kontra l-Estonja, l-idea kienet li jiġu antiċipati l-blalen għoljin. Huwa stqarr li t-team ikkommetta bosta żbalji fl-ewwel taqsima, u f’sitwazzjonijiet ta’ 1v1, il-Maltin naqsu li jirbħu l-ballun minħabba li l-avversarji kienu aktar veloċi. 

Zach Muscat aktarx jitlef il-logħba ta’ nhar it-Tlieta minħabba li qed jirkupra minn injury li sofra waqt it-taħriġ. 

“Din se tkun logħba diffiċli għax l-Iżrael huma team qawwi li għadu kif rebaħ il-promozzjoni għal League A fil-UEFA Nations League,” temm jgħid Mangia. 

L-istess tenna  Joseph Mbong, li bħalissa qed jilgħab fl-Iżrael. Huwa qal li l-kampjonat  huwa wieħed ta’ intensità għolja li jintlagħab fuq il-veloċitá u s-saħħa. 

Mbong stqarr li l-kampjonat Iżraelit għenu biex itejjeb il-livell tiegħu kif ukoll jimmatura bħala player. 

Intant, il-coach huwa Alon Hazan, 55 sena, u ilu jmexxi lit-team mit-8 ta’ Mejju li għadda.  Meta kien player irrappreżenta lill-Iżrael għal 72 darba li fihom skorja ħames goals.  

Malta u l-Iżrael se jkunu qed jiltaqgħu għad-disa’ darba fl-istorja. L-Iżraeliti rebħu sitt darbiet filwaqt li ż-żewġ logħbiet oħra spiċċaw fi draws.

L-ewwel darba li Iżrael u Malta ltaqgħu kien fl-1984 fejn f’Ġerusalem kienu rebħu bl-iskor ta’ 2-1.

L-aħħar darba li dawn iż-żewġ nazzjoni­jiet iltaqgħu kien fil-11 ta’ Ottubru 2011 meta fl-Istadium Nazzjonali, l-avversarji kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0.

Bejn iż-żewġ timijiet ġew skorjati 22 goal li 16 minnhom waslu min-naħa tal-Iżrael. 

Is-sitt skorers Maltin kienu Charles Muscat (6 ta’ Settembru, 1984 – partita ta’ ħbiberija); Dennis Mizzi (2 ta’ Diċembru, 1987 – partita ta’ ħbiberija); David Carabott (11 ta’ Jannar 1989 – partita ta’ ħbiberija); Michael Misud u David Carabott (10 ta’ Settembru 2003 – Kampjonat Ewropew); Jamie Pace (2 ta’ Settembru 2010 – Kampjonat Ewropew). 

Il-logħba tibda fid-9.00 pm u se tintwera diretta fuq TVM News+.

Sport