Friday, May 1, 2026

ILLUM NIĊĊELEBRAW JUM IL-ĦADDIEM 

Aqra wkoll

Meta ta’ kull sena nfakkru Jum il-Ħaddiem fl-Ewwel ta’ Mejju, inkunu qed niċċelebraw l-għaqda u l-mixja ’l quddiem li għamel il-ħaddiem mal-milja tas-snin. Huma kisbiet li mhux biss tejbu l-kundizzjonijiet tal-klassi tax-xogħol imma li wasslu għal ħajja aħjar u iktar diċenti għall-familji Maltin. 

Nemmnu li llum, konsegwenza ta’ dak li qed nesperjenzaw, dan il-jum sar aktar rilevanti. Qabel xejn f’dan il-jum ma nistgħux ma nirringrazzjawx lill-ħaddiema kollha, f’xogħlijiet u setturi differenti. Ibda minn dawk fl-isptarijiet, dawk li jnaddfu u ħafna oħrajn. Fix-xhur li għaddew il-poplu fehem aktar minn qatt qabel kemm huma importanti dawn il-ħaddiema.

Dan il-jum huwa minnu nnifsu wkoll dikjarazzjoni li l-ħaddiem għandu d-dritt jaħdem f’ambjent sigur, b’saħħtu u dinjituż u jirritorna lejn il-familja tiegħu kuljum.  Dan id-dritt qed ikun imħares b’mod konkret. Fil-fatt, dan joħroġ ukoll mir-rapport annwali tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) għall-2025, li jikkonferma li l-impenn tal-Gvern għall-protezzjoni tal-ħaddiema mhux biss slogan imma twettiq konkret, imsarraf f’liġijiet, investiment, servizzi u fuq kollox ħajjiet imħarsa.

Fil-frattemp, irridu nirrikonoxxu wkoll li d-dinja tax-xogħol qiegħda tinbidel b’ritmu mgħaġġel ħafna. U l-aspirazzjonijiet tal-ħaddiema qegħdin jinbidlu kontinwament. Għalhekk huwa essenzjali li jibqa’ jkun assigurat li l-ħaddiem jibqa’ fiċ-ċentru ta’ dan it-tibdil li qed iseħħ fid-dinja tax-xogħol.

Nemmnu li  kull xogħol għandu d-dinjità tiegħu. Dan joffri lil kull individwu l-opportunità li jagħti sehem kemm għall-ġid tal-familja tiegħu kif ukoll għas-soċjetà ta’ madwaru. Fuq kollox huwa essenzjali li nibqgħu nassiguraw li l-aspirazzjonijiet tal-ħaddiema, il-wellbeing, is-saħħa mentali u kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema jibqgħu jiġu protetti. 

Il-General Workers’ Union ta’ kuljum taħdem biex tressaq ’il quddiem l-aspirazzjonijiet tal-ħaddiema filwaqt li tara li dawn jintlaħqu u tkompli ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Huwa għalhekk li l-GWU tibqa’ vuċi soda u punt ta’ referenza essenzjali f’Malta għad-drittijiet tal-ħaddiema, il-ġustizzja soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport