Jum il-Ħaddiem u r-rilevanza tiegħu fl-2026
Jum il-Ħaddiem jibqa’ wieħed mill-aktar jiem sinifikanti fil-kalendarju industrijali tagħna, mhux biss għax ifakkarna fil-ġlidiet storiċi li wasslu għall-kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar iżda wkoll għax ifakkarna fil-valur kbir tax-xogħol u fil-kontribut li jagħtu l-ħaddiema kuljum lis-soċjetà u lill-ekonomija tal-pajjiż.
Dak li llum ħafna drabi nieħdu bħala fatt bħall-paga xierqa, il-ħinijiet regolati, il-leave, is-saħħa u s-sigurtà, il-protezzjoni soċjali u d-dinjità tal-ħaddiema, irridu nirrealizzaw li dawn ma ġewx waħedhom iżda kienu frott ta’ snin twal ta’ impenn, ta’ solidarjetà u ta’ vuċi magħquda tal-moviment tal-ħaddiema. Biex inkisbu dawn id-drittijiet saru ġlidiet kbar matul is-snin.
Għalhekk l-1 ta’ Mejju m’għandux ikun biss ġurnata ta’ tifkira iżda mument ta’ apprezzament lejn dawk kollha li b’ħidmiethom għamlu ħiliethom biex jibnu pajjiż aħjar u mument ta’ rikonoxximent li mingħajr il-ħaddiem ma jkun hemm ebda progress reali u soċjali.
Illum ir-rilevanza ta’ Jum il-Ħaddiem hija aktar qawwija minn qatt qabel. Qed ngħixu fi żmien ta’ bidliet mgħaġġla. It-teknoloġija qed tbiddel il-postijiet tax-xogħol u l-ħaddiema qed jiffaċċjaw sfidi ġodda marbuta ma’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, mas-saħħa mentali tagħħom u ma’ kundizzjonijiet aħjar fl-impjieg. F’dan il-kuntest Jum il-Ħaddiem ifakkarna li l-ġlieda għall-ġustizzja soċjali ma tieqaf qatt.
Il-moviment trejdunjonista għandu responsabbiltà kbira li mhux biss jiddefendi dak li nkiseb iżda li jkompli jmexxi l-quddiem il-kawża għal pagi aħjar, kundizzjonijiet tax-xogħol aktar umani, aktar taħriġ u opportunitajiet u rispett sħiħ lejn kull ħaddiem, ikun minn liema settur ikun. Soċjetà moderna ma titkejjilx biss b’kemm tipproduċi ġid iżda b’kemm tqassmu b’mod ġust fost dawk li joħolquh.
Bħala General Workers’ Union aħna nemmnu li Jum il-Ħaddiem għandu jibqa’ simbolu ta’ għaqda, ta’ kuraġġ u ta’ tama. Huwa jum li jfakkarna li meta l-ħaddiema jkunu magħqudin, jistgħu jibdlu r-realtà tagħhom u joħolqu futur aħjar għal uliedhom.
F’dinja li kultant tidher li qed tagħti aktar importanza lin-numri milli lin-nies aħna nibqgħu nsostnu li l-bniedem għandu jibqa’ fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni ekonomika u soċjali. L-investiment veru ta’ pajjiż mhuwiex biss fl-infrastruttura jew fin-negozju iżda fil-ħaddiema tiegħu, fil-ħiliet tagħhom, fis-serħan tal-moħħ tagħhom u fid-dinjità tagħhom. Għalhekk f’dan il-Jum inġeddu l-wegħda tagħna li nibqgħu leħen sod favur il-ħaddiema kollha fuq din l-art biex dak li nkiseb ma jintilifx u biex dak li għad irid jinkiseb isir realtà.


