Friday, May 1, 2026

Investiment ta’ aktar minn tliet kwarti ta’ miljun ewro

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia, żaret il-post tax-xogħlijiet ta’ proġett f’Ħad-Dingli li għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ u jespandi s-servizzi ta’ respite għall-minuri b’diżabilità fil-komunità.

Matul iż-żjara, ġie spjegat kif dan il-proġett li huwa wieħed mill-miżuri tal-Budget 2026, jinvolvi l-iżvilupp ta’ binja residenzjali fuq żewġ sulari li ser tkun kapaċi tilqa’ sa 10 persuni b’diżabilità fl-istess ħin. Il-faċilità ser tinkludi ħames kmamar tas-sodda, spazji individwali, żoni komuni fosthom bitħa u terrazzin, kif ukoll faċilitajiet għall-impjegati.

Ix-xogħlijiet bħalissa jinsabu fil-fażi tal-kostruzzjoni, fejn qed jitlesta l-ewwel sular tal-binja, li mistenni jiġi msaqqaf fix-xahar li ġej. Is-sit ikopri medda ta’ 217-il metru kwadru u jinsab f’żona ta’ konservazzjoni urbana (UCA), li qed tiddetermina l-istil u l-iżvilupp tal-proġett.

Matul iż-żjara ġie enfasizzat li dan il-proġett jirrappreżenta investiment ta’ aktar minn tliet kwarti ta’ miljun ewro u huwa mmirat biex ikompli jtejjeb il-provediment ta’ servizzi fil-komunità, b’mod partikolari dawk li joffru sostenn lill-familji u li jippromwovu kwalità ta’ ħajja aħjar u għajxien aktar indipendenti għal persuni b’diżabilità.

Ġie spjegat ukoll kif, permezz ta’ dan is-servizz ta’ respite, tfal b’diżabilità ser jingħataw l-opportunità li jqattgħu perjodi ta’ żmien f’ambjent modern u aċċessibbli, filwaqt li l-familji tagħhom ikollhom spazju biex jieħdu mistrieħ jew jiffukaw fuq sitwazzjonijiet personali, inklużi emerġenzi jew trattament mediku.

Il-Ministru Julia Farrugia qalet li “Ninsabu sodisfatti li dan il-proġett diġà laħaq madwar 40% tat-tlestija tiegħu, sinjal ċar li qed nimxu b’pass tajjeb biex inwasslu servizzi li jagħmlu differenza fil-komunità. Dan mhux biss proġett infrastrutturali, iżda miżura mill-budget li qed tinbidel f’realtà u li biha qed inkomplu ninvestu direttament fil-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità u tal-familji tagħhom. Dan il-proġett huwa mistenni li jkun lest sal-aħħar tas-sena. Permezz ta’ inizjattivi bħal dawn qed nagħtu valur lill-kunċett ta’ inklużjoni, fejn is-servizzi ma jibqgħux biss fuq il-karta iżda jaslu għand in-nies. Dan is-servizz ta’ respite huwa kruċjali mhux biss għat-tfal li se jibbenefikaw minn ambjent sigur u professjonali, iżda wkoll għall-familji tagħhom, li se jingħataw il-ħin meħtieġ biex jistrieħu. Dan huwa Gvern li jifhem ir-realtajiet tal-familji Maltin u Għawdxin, u li qed jimplimenta miżuri konkreti biex jappoġġjahom b’mod tanġibbli. Se nkomplu naħdmu bla waqfien biex niżguraw li dawn il-proġetti jitlestew fil-ħin u jilħqu l-ogħla standards, għaliex nemmnu bis-sħiħ li l-inklużjoni trid tkun riflessa f’azzjonijiet konkreti li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.”

Oliver Scicluna, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, saħaq kif dan l-investiment huwa parti minn viżjoni usa’ li biha qed inkomplu nsaħħu s-servizzi fil-komunità u nnaqqsu d-dipendenza fuq mudelli istituzzjonali tradizzjonali, biex minflok nippromwovu għajxien aktar inklużiv u integrat fil-qalba tas-soċjetà. Huwa żied li jemmnu li s-servizzi għandhom jaslu għand in-nies fejn jgħixu, u għalhekk qed jinvestu f’infrastruttura moderna, aċċessibbli u mfassla skont il-ħtiġijiet reali tal-persuni b’diżabilità u tal-familji tagħhom.

Il-proġett huwa ppjanat li jitmexxa f’kollaborazzjoni ma’ entitajiet mhux governattivi sabiex jiġi żgurat servizz ta’ kwalità għolja u sostenibbli.

Dan huwa t-tieni proġett ta’ respite li l-Aġenzija Sapport qed taħdem fuqu bħalissa, minbarra dak ta’ Ħal Kirkop li jinsab fl-aħħar fażijiet tiegħu. Matul din iż-żjara, il-Ministru kienet akkumpanjata mis-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli, Raymond Schembri.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport