Friday, May 1, 2026

METRO

Aqra wkoll

Niddubita kemm il-proġett tal-metro se jkun ta’ għajnuna liż-żewġ partiti politiċi fiż-żmien li ġej. Il-PN ħolom bih l-ewwel, għall-elezzjoni tal-2017. Imbagħad nesieh f’nofs kampanja elettorali. Il-Labour wiegħed xi ħaġa simili għall-kampanja tal-2022 u issa reġa’ rxoxta l-proġett. It-tnejn qed ibassru proċess tat-tul li matulu bla dubju konsulenti li jaqilgħu l-miljuni jkunu protagonisti – konkorsi għall-għoti tax-xogħlijiet jiġu kkontestati, imtawla u mdewma – ruxxmata kawżi ta’ protesta jinfetħu fil-qrati – u akkużi ta’ korruzzjoni u inkompetenza jitbandlu minn rokna għal rokna tal-pajjiż waqt li l-ispiża fuq il-proġett tirdoppja jew aktar.

Nemmen li għandna bżonn ta’ proġett ta’ metro taħt l-art. L-aħjar mod kif isir (jew seta’ jsir) hu dahar ma’ dahar ma’ proġett ieħor għar-reklamazzjoni tal-art mill-baħar. Nissuspetta li l-aqwa u l-eħfef mod kif dan seta’/jista’ jsir kien ikun fi proġett komuni maċ-Ċina li għandha esperjenza kbira fi proġetti ta’ dat-tip. 

KULĦADD ĦADDIEM

Sirna nisimgħuha din il-ħaġa meta joqrob l-Ewwel ta’ Mejju. Tintqal mhux b’sens ta’ sarkażmu jew ironija, imma bis-serjetà ta’ min qed jgħidha għax jemminha: Illum kulħadd sar/hu ħaddiem!

Il-verità tibqa’ li l-ħaddiema huma dawk li jgħixu mix-xogħol li jagħmlu regolarment minn jum għal jum, minn xahar għal xahar. Tiegħu jirċievu ħlas regolari – paga – skont iż-żmien li jkunu qattgħu jaħdmu. Magħhom tista’ żżid lis-self employed iż-żgħar li huma wkoll jgħixu b’li jdaħħlu mill-qligh tal-bejgħ li jagħmlu għas-servizzi jew prodotti li jipprovdu.

L-interess ta’ dawn il-ħaddiema bl-ebda mod ma hu bħall-interess ta’ min jipposedi artijiet jew mezzi ta’ produzzjoni kbar u jagħmel il-flus bil-ħidma u l-bejgħ li jiġġenera minnhom. Li ma jfissirx li l-interessi taż-żewġ setturi bilfors se jkunu f’kunflitt jew jikkuntradixxu lil xulxin, għax dak li jaqla’ wieħed żgur se jkun għad-dannu ta’ li jaqla’ l-ieħor.

L-ISTORJA BAQGĦET DWARU

L-aktar li laqatni fl-attentat kundannabbli fuq il-President Amerikan Trump ta’ dil-ġimgħa kien kif Trump irreaġġixxa għall-bidu dwar x’ġara. Jekk fhimt tajjeb kif ġab ruħu, minflok irrikorra għall-lingwaġġ bombastiku li jiddeletta bih u telaq jakkuża lil min ma jaqbilx miegħu b’elf dnub, did-darba ma qgħadx lura milli jitkellem b’mod ta’ realiżmu ironiku dwar min jinsab fil-pożizzjoni tiegħu. Ironizza kif b’dak li ġara se jkollu jbiddel id-diskors li kellu jagħti lil ġurnalisti li ma jistax għalihom.

Imbagħad fhimt: l-aqwa ħaġa għal Trump tibqa’ li hu jiddomina dejjem l-aħbarijiet miċ-ċentru tagħhom. B’li ġara u b’kif irreaġġixxa għall-bidu, hekk irnexxilu jerġa’ jagħmel. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport