Friday, July 12, 2024

Illum tiġi fi tmiemha l-Fażi tal-Gruppi tal-Euro 2024

Aqra wkoll

Illum tiġi fi tmiemha l-Fażi tal-Gruppi tal-Euro 2024 b’erba partiti mill-aktar interessanti. Huma l-Portugall biss li aċċertaw mill-kwalifikazzjoni għall-Aħħar 16, bit-timijiet l-oħra jridu jissieltu bejniethom biex jissiġillaw posthom f’din it-tieni fażi ta’ din l-edizzjoni.

SLOVAKKJA v RUMANIJA – 6.00 pm

Fi Grupp E, Slovakkja u r-Rumanija jilagħbu kontra xulxin hekk kif it-tnejn huma biċ-ċans li jgħaddu mal-Aħħar 16.

Dan minħabba li flimkien mal-Belġju u l-Ukrajna għandhom tliet punti minn żewġ logħbiet.

Ir-Rumeni għelbu lill-Ukrajna 3-0 għal­kemm kellhom ibaxxu rashom kontra l-Belġju bl-iskor ta’ 2-0. Min-naħa tagħhom, is-Slovakki rreġistraw rebħa ta’ 1-0 fuq il-Belġju filwaqt li sfaw megħluba bl-iskor ta’ 2-1 mill-Ukrajna.

Ir-Rumeni jibdew kemmxejn favorti minkejja li fiż-żewġ partiti lagħbu football attraenti u kienu wkoll sfortunati li ħarġu b’idejhom vojta kontra l-Belġjani.

Huma jittamaw li Radu Dragusin ikun fl-aqwa forma tiegħu bis-Slovakki jibbażaw fuq il-ħeffa ta’ Ivan Schranz li s’issa ħalla impressjoni tajba fiż-żewġ logħbiet fejn ħalla wkoll il-marka tiegħu billi niżżel ismu fost l-iskorers.

Il-partita se tintlagħab fid-Deutsche Bank Park, fil-belt ta’ Frankfurt.

UKRAJNA v BELĠJU – 6.00 pm

Dan huwa konfront dirett bejn l-Ukrajna u l-Belġju minħabba li għandhom l-istess ammont ta’ punti. Iżda riżultat ta’ draw jikkuntenta lill-Belġjani minħabba li għandhom differenza ta’ goals aħjar.

Min-naħa l-oħra, l-Ukreni jkunu jistgħu jikkwalifikaw bħala wieħed mill-erba’ timi­jiet li jtemmu bl-akbar ammont ta’ punti fit-tielet post u permutazzjonijiet oħra.

Fil-veritá din il-partita hija waħda bilanċjata u r-rebħa tista’ tmur kull naħa. Il-Bel­ġjani jistgħu jibdew bħala favoriti iżda l-Ukreni żgur li se jqumu għall-okkażjoni konxji mill-fatt li jinsabu rebħa ‘l bogħaod mill-Aħħar 16. Iżda se tkun partita diffiċli u għaldaqstant iridu jaħdmu għaliha

Huma se jiffaċċjaw lill-attakkant Romelu Lukaku li jinsab għatxan biex iniżżel ismu fuq il-lista tal-iskorers wara li kellu tliet goals imħassra … rekord fl-istorja tal-Kampjonat Ewropew.

Barra minn hekk, il-midfielder Kevin De Bruyne, bħal donnu sab il-forma solitá tiegħu.

Min-naħa tal-coach Ukren, Sergej Rebrov tenna li jrid l-aħjar verżjoni tat-team tiegħu sabiex ikompli dak li beda kontra s-Slovakki. Hu se jkollu lura lil Vitaliy Mykolenko u Viktor Tsygankov li kienu mweġġgħin fil-konfronti preċedenti.

Din se tkun l-ewwel laqgħa bejn dawn iż-żewġ pajjiżi.

Il-logħba se tintlagħab fl-MHP Arena ta’ Stuttgart.

GEORGIA v portugall – 9.00 pm

Il-Portugall diġá kisbu l-kwalifikazzjoni għall-Aħħar 16 wara li rebħu ż-żewġ konfronti preċedenti – 2-1 fuq ir-Repubblika Ċeka u 3-0 fuq it-Turkija.

Il-coach, Roberto Martinez, jinsab kuntent bil-wirjiet tal-players tiegħu fejn apparti s-solitu Cristiano Ronaldo, spikkaw ukoll Bruno Fernandes, Bernardo Silva u ż-żagħżugħ Francisco Conceicao li wkoll sabu x-xibka avversarja.

Il-Georgia kellhom prestazzjonjiet taj­bin ukoll fejn tibqa’ memorabbli l-logħba kontra r-Repubblika Ċeka li fiha spiċċaw fi draw ta’ 1-1 … u sa ċertu punt it-telfa ta’ 3-1 kontra t-Turkija li għadha meqjusa bħala l-isbaħ partita s’issa ta’ dan it-tournament.

Il-goalkeeper tagħhom, Giorgi Mamardashvili, spikka ferm meta f’żewġ logħ­biet salva 11-il ballun indirizzat lejn il-lasti tiegħu. 

Bla dubju, se jkun dwell interessanti bejn Cristiano Ronaldo tal-Portugall u Kvicha Kvaratshkelia ta’ Georgia.

Il-logħba se tintlagħab fil-Veltins Arena,  f’Gelsenkirchen.

REPUBBLIKA ĊEKA v TURKIJA – 9.00 pm

It-Turkija jimmiraw li jagħlqu għal kollox id-diskors ta’ kwalifikazzjoni għall-Aħħar 16 meta jaffrontaw lir-Repubblika Ċeka.

It-team immexxi minn Vincenzo Montella jinsab b’moral għoli wara r-rebħa kontra Georgia iżda mbagħad kellhom ibaxxu ras­hom għall-qawwa tal-Portugall fit-telfa ta’ 3-0.

Min-naħa tar-Repubblika Ċeka, il-coach Ivan Hasek, jittama fil-forma tajba ta’ Patrick Schick li kien l-awtur tal-goal fid-draw ta’ 1-1 kontra Georgia. Hu se jkollu dwell interessanti mat-Tork, Hakan Calhanoglu.

Draw ikun biżżejjed għat-Torok biċ-Ċeki jridu  rebħa biex javvanzaw għar-round li jmiss.

Il-partita se tintlagħab Volksparkstadion ta’ Hamburg.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport