Tuesday, May 21, 2024

Illum tintlagħab il-finali tal-FA Cup

Aqra wkoll

Bla dubju Manchester City u Manchester Uni­ted se jikkontestaw l-aktar finali mistennija tal-FA Cup fil-memorja riċenti meta llum fl-4.00 pm jiltaqgħu f’Wembley Stadium. Logħba waħda tista’ tkun, iżda s-sinifikat tagħha jinfirex lil hinn minn dan tmiem il-ġimgħa minħabba l-kuntest usa tal-kisba li qed jiġru warajha s-City.

L-istatus tal-United bħa­la l-uniku team Ingliż li qatt rebaħ it-triple – li huwa t-titlu tal-kampjonat tal-ogħla livell, l-FA Cup u t-Tazza Ewropea/Champions League – ġie mhedded realment fl-aħħar ftit snin, u ħafna jqisu lis-City viċin ħafna li jagħmlu bħalhom ħalli jilħqu din il-bravura dan l-istaġun wara li diġa’ rebħu l-Premier League. Wara kollox, illum huma favoriti sodi u anke kontra Inter fil-finali taċ-Champions League ġimgħa oħra.

Għalhekk, il-United jista’ jkollhom leħen dirett fil-kwistjoni. L-ewwel finali maġġuri bejn iż-żewġ ġirien se jkollha lit-team ta’ Pep Guardiola li qed ifittex li jkompli l-ambizzjonijiet tagħhom li jirbħu kollox, filwaqt li Erik ten Hag jittama li jgħolli t-tieni trofew f’dak li sussegwentement ikun aċċettat bħala l-ewwel staġun pożittiv ħafna, jekk ma jkunx diġà.

Il-United għelbu lil Newcastle United fi Frar biex reb­ħu l-League Cup, li jfis­ser li rebħa llum tarahom jiksbu doppjetta tat-tazzi domestiċi għall-ewwel darba. Iżda s-City huma anni­mal differenti. Il-mod kif huma sempliċement jgħollu l-livell tagħhom meta jkun importanti l-aktar fit-taqtiegħa għat-titlu tal-Premier League kien impressjonanti immens, u kisbu 12-il rebħa wara l-oħra biex ħallew lil Arsenal warajhom fit-tieni post. Issa jistgħu jsiru biss it-tielet club li jirbaħ id-double ta’ kampjonat u FA Cup għal aktar minn darba jekk joħorġu rebbieħa llum.

Okkażjonijiet bħal dawn jistgħu ma jkunux daqshekk frekwenti għall-United daq­s­kemm kienu fl-era ta’ Sir Alex Ferguson, għal­kemm storikament huma club imdorri li jidħlu fil-fond fil-kompetizzjoni. Din se tkun il-21 finali tagħhom fl-FA Cup, rekord konġunt ma’ Arsenal.

Iżda jekk jitilfu llum ifisser li tilfu aktar finali tal-FA Cup minn kwalunkwe team ieħor (9), iżda żgur li aħjar tkun wasalt f’dak l-istadju milli le.

Jew il-mod, il-kompitu qud­diem il-United huwa sismiku. Is-City huma l- ogħla skorers (17) fl-FA Cup ta’ dan l-istaġun u potenzjalment 90 minuta ‘l bogħod milli jerfgħu t-trofew mingħajr ma jsofru goal, xi ħaġa li l-ebda team ma għamel minn Bury fl-1903.

Barra minn hekk, is-City iddominaw it-Team tal-Istaġun tal-Premier League, b’Erling Haaland, Kevin De Bruyne, Rodri, Manuel Akanji u Ruben Dias kollha jgawdu minn kampanji stellari. Il-United ma kel­lhom l-ebda rappreżentanti, għalkemm bi players bħal Marcus Rashford, Casemiro u Bruno Fernandes, huma b’mod ċar għandhom armi li jistgħu jweġġgħu liċ-champions.

Il-biċċa l-kbira tal-partitarji tal-United jittamaw li xi stilel tas-City jiġu esklużi qabel tmiem il-ġimgħa, u Guardiola ssuġġerixxa li Dias, De Bruyne u Grealish huma fost dawk dubjużi. Minħabba r-rekord tiegħu, madankollu, ma tkunx sorpriża mill-bogħod li tara t-tlieta msemmija fl-ewwel 11.

Ten Hag se jkun min­għajr Anthony Martial u Lisandro Martinez, filwaqt li d-disponibbiltà tal-winger, Antony, għadha mhux ċara wara li nħareġ fuq stretcher fir-rebħa 4-0 kontra Chelsea l-ġimgħa li għaddiet.

Is-City għelbu lill-United 6-3 dan l-istaġun – logħba li rat kemm lil Haaland kif ukoll lil Phil Foden jiskorjaw hat-trick kull wieħed, għalkemm ħafna nbidel mil-logħba ta’ Ottubru fl- Etihad Stadium. Tant hu hekk, li t-team ta’ Ten Hag impedixxa lir-rivali tiegħu milli jagħmlu doppjetta fuq­hom, b’rebħa 2-1 f’Old Trafford li turi l-progress tal-United f’termini ta’ ko-eż­joni tat-team u addattabilità tattika.

Kif aktarx jilagħbu:

Man C.: (3-2-4-1): Ederson; Walker, Dias, Akanji; Stones, Rodri; B. Silva, De Bruyne, Gundogan, Grealish; Haaland.

Man U.: (4-2-3-1): De Gea; Wan-Bissaka, Varane, Lindelof, Shaw; Casemiro, Eriksen; Garnacho, Fernandes, Sancho; Rashford.

Referee: Paul Tierney.

Sport