Tuesday, April 30, 2024

French Open: Novak Djokovic jibqa’ għaddej

Aqra wkoll

Is-Serb seed numru 3, Novak Djokovic, għadda għar-raba’ round tal-French Open li qed isir f’Roland Garros meta lbie­raħ elimina lill-Ispanjol, Alejandro Davidovich Fokina, fi tliet sets, 7-6 (7-4) 7-6 (7-5) 6-2, għalkemm fl-ewwel tnejn mhux kollox kien ward u żgħar tant li rebaħhom b’tiebreaks kuntrarju għat-tielet wieħed li fih wera s-superjorita’ tiegħu.

It-Taljan Lorenzo Sonego ħa ħames sets biex għeleb lir-Russu seed numru 7, Andrey Rublev, 5-7 0-6 6-3 7-6 (7-5) 6-3. Iżda r-Russu l-ieħor, Karen Khachanov, baqa’ għaddej b’rebħa 6-4 6-1 3-6 7-6 (7-5) kontra l-Awstraljan, Thanasi Kokkinakis.

Il-Ġermaniż Alexander Zverev kiseb rebħa faċli ta’ 6-4 6-2 6-1 fuq Alex Molcan tas-Slovakkja waqt li l-Bulgaru Grigor Dimitrov rebaħ lill-Finlandiż, Emil Ruusuvuori, 7-6 (7-4) 6-3 6-4.

Elena Rybakina tal-Kazakhstan, għamlet bħall-player numru wieħed, Iga Swiatek tal-Polonja, meta aċċennat il-kredenzjali tagħha għat-titlu b’rebħa f’żewġ sets kontra ċ-Ċeka ta’18-il sena, Linda Noskova, 6-3 6-3, li għaliha kienet it-tmien rebħa konsekuttiva fuq it-tafal.

L-Amerikana seed numru 6, Coco Gauff, rebħet kontra l-Awstrijaka numru 61 fid-dinja, Julia Grabher, 6-2 6-3, u issa se tiltaqa’ kontra r-Russa ta’ 16-il sena, Mirra Andreeva, li għelbet lill-Franċiża Diane Parry, 6-1 6-2.

Konfront kollu Amerikan ra lil Kayla Day li kellha tikkwalifika, tegħleb b’sorpriża lis-seed numru 20, Madison Keys, 6-2 4-6 6-4.

Il-Brażiljana Beatrix Haddad Maia, kisbet rebħa tajba ta’ 6-2 5-7 6-4 meta kellha quddiemha lir-Russa, Diana Shnaider, waqt li l-Kanadiża rebbieħa tal-US Open 2019, Bianca Andreescu, kisbet rebħa oħra li fiha eliminat lill-Amerikana fil-75 post tar-rankings, Emma Navarro, 6-1 6-4.

Is-seed numru 3, l-Amerikana Jessica Pegula, saret l-iktar seed għolja fil-kategorija tan-nisa li ġiet eliminata meta l-Belġjana, Elise Mertens, għelbitha 6-1 6-3.

Issa Mertens tilgħab kontra r-Russa, Anastasia Pavlyuchenkova li għelbet lill-kompatrijotta tagħha, Anastasia Potapova, 2-6 6-3 6-0.

Il-Belrussa seed numru 2, rebbieħa tal-Australian Open f’Jannar, Aryna Sabalenka, kisbet rebħa komda fuq ir-Russa Kamilla Rakhimova, 6-2 6-2, u issa se tiltaqa’ kontra l-Amerikana Sloane Stephens li għelbet lil Yulia Putintseva tal-Kazakhstan, 6-3 3-6 6-2.

Elina Svitolina tal-Ukrajna, għelbet lir-Russa Anna Blinkova, 2-6 6-2 6-1, u issa tiltaqa’ kontra s-seed numru 9, Daria Kasatkina, li eliminat lill-Amerikana, Peyton Stearns, 6-0 6-1. 

Sport