Sunday, May 5, 2024

Illum tintlagħab il-finali tal-UEFA Europa League bejn Sevilla u Roma

Aqra wkoll

Hekk kif illum jingħata bidu għat-tliet finali tal-kompetizzjonijiet tal-UEFA, Sevilla jimmiraw li jirbħu l-UEFA Europa League għas-seba’ darba filwaqt li Roma, li s-sena li għaddiet rebħu l-UEFA Confe­rence League, jimmiraw li jirbħu dan l-unur għall-ewwel darba. 

Il-coach ta’ Roma, José Mourinho se jkun qed ifittex is-sitt trofew Ewropew personali hekk kif rebaħ darbtejn il-UEFA Cham­pions League u l-UEFA Euorpa League, kif ukoll l-imsemmija Conference League, b’din tal-aħħar ittemm stennija ta’ 60 sena għal Roma għal suċċess Ewropew. 

Biex waslu sal-finali, il-Giallorossi kkwa­lifikaw minn Grupp C; għelbu b’aggregate lil Salzburg (2-1) fil-fażi eliminatorja; lil Real Sociedad (2-0) fl-Aħħar 16; lil Feyenoord 4-2 wara l-ħin barrani fil-kwarti-finali u lil Bayer Leverkusen (1-0). 

Min-naħa ta’ Sevilla, dawn kienu ġew rele­gati għal din il-kompetizzjoni miċ-Champions League wara l-Fażi tal- Gruppi. Imbagħad eliminaw b’aggregate lil PSV (3-2) fil-fażi eliminatorja; lil Fenerbahce (2-1) fl-Aħħar 16; lil Manchester Uni­ted (5-2) fil-kwarti-finali u lil Juventus (3-2) wara l-ħin barrani fis-semi-finali. 

Ir-Romanisti ħadu l-aħbar tajba li Paulo Dybala niżel għat-taħriġ b’mod normali wara li falla l-aħħar tliet partiti, minħabba injury fl-għaksa, u għalaqstant se jkun disponibbli għall-finali. 

Huwa kien strumentali f’dan l-istaġun hekk kif skorja 16-il goal u rreġistra tmien assists f’36 partita fil-kompetizzjonijiet kol­lha.  

Din tista’ wkoll tkun l-aħħar partita għal Mourinho fit-tmexxija tat-team hekk kif qed jissemma’ li jista’ jingħaqad ma’ Paris St Germain. 

Min-naħa tal-coach tat-team Spanjol, Jose Luis Mendilibar, li ilu fit-tmexxija minn Marzu li għadda, se jkollu għad-dispożiz­zjoni t-tliet players, Marcao, Tanguy Nianzou u Joan Jordan, li rkupraw mill-injuries rispettivi tagħhom.

Il-partita se tintlagħab fil-Puskas Arena, f’Budapest, fl-Ungerija, filwaqt li r-referee se jkun l-Ingliż Anthony Taylor.  

Sport