Thursday, April 25, 2024

Jirritorna l-kunċert tat-tliet tenuri Maltin fi Pjazza San Ġorġ

Aqra wkoll

Tlieta mill-aqwa tenuri Maltin tal-ġenerazzjoni tagħhom – Alan Sciberras, Cliff Zammit Stevens u Nico Darmanin – se jkunu qed jieħdu sehem f’kunċert mill-isbaħ bl-isem ta’ Opera in the Capital – The Three Tenors. Dan il-kunċert taħt id-direzzjoni mużikali tal-Maestro Michael Laus u l-Maestro Ryan Paul Abela, se jkun qed jittella’ nhar l-Erbgħa 28 ta’ Ġunju fi Pjazza San Ġorġ, fid-9.00 p.m.

Din is-sena mat-tliet tenuri se tkun qed tissieħeb ukoll il-kantanta bravissima Maltija Chiara. Opera in the Capital – The Three Tenors se tkun lejla mżewqa b’melodiji klassiċi u operistiċi famużi mad-dinja kollha. Dan huwa t-tielet kunċert ta’ din is-serje, li sena wara l-oħra baqa’ jikseb suċċess. Ir-repertorju li ser ikantaw it-tenuri huwa wieħed mill-iżjed melodiku u jinkludi ħafna kanzunetti magħrufa. Peress li mhux se jkun hemm vuċi waħda iżda erba’ vuċijiet notevoli li se jkunu akkumpanjati mal-MPO, din is-serata żgur li se tkun waħda speċjali u indimentikabbli għall-udjenzi.

Uħud mill-kanzunetti ewlenin tal-programm jinkludu E Lucevan le Stelle ta’ Puccini, Mamma ta’ Bixio, Vivo Per Lei ta’ Panceri, Music of the Night ta’ Lloyd Weber, Angel ta’ Chiara, The Prayer ta’ Foster u Who Wants to Live Forever ta’ Queen.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ngħataw id-dettalji dwar dan il-kunċert, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li dan l-avveniment huwa ċelebrazzjoni mill-isbaħ tal-ħila tat-talent Malti u l-eċċellenza mużikali, filwaqt li nnota li l-wirjiet mogħtija mit-tenuri Maltin huma rinomati għall-kapaċità tagħhom li jiġbdu u jċaqalqu l-udjenzi.

Il-Ministru Bonnici enfasizza wkoll l-esperjenza sabiħa li jiksbu dawk li jattendu, hekk kif il-vuċijiet armonjużi tat-tliet tenuri jduru fi ħdan il-kobor tal-bini arkitettoniku tal-Belt Valletta. Huwa insista li l-Belt Valletta kompliet tingħata r-ruħ denja ta’ belt kapitali, fl-istess waqt li bl-avvenimenti varji li saru u li għadhom qed isiru rnexxielna nkissru l-barrieri kulturali li kien hemm bejn ġenerazzjoni u oħra.

Min-naħa tiegħu, iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li: “Opera in the Capital – The Three Tenors, huwa wieħed fost il-ħafna avvenimenti ta’ kwalità għolja li l-Aġenzija ttella’ sena wara l-oħra, fil-qalba tal-Belt Kapitali tagħna. Filwaqt li niċċelebraw is-sbuħija ta’ din il-belt, b’dan il-kunċert qegħdin ukoll inwieġbu għad-domanda tant kbira li hawn għal avvenimenti fil-miftuħ.”

Biljetti jistgħu jinkisbu minn showshappening.com. Għal aktar informazzjoni tista’ żżur il-lista tal-avvenimenti fuq is-sit tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija.

Sport