Monday, May 13, 2024

“Ilna erba’ sigħat f’dan il-kumitat … ħadd ma saqsieni dwar l-Egrant”

L-Eks PM Joseph Muscat jgħid li jinsab sorpriż dwar dan hekk kif kompliet ix-xhieda quddiem il-PAC

Aqra wkoll

L-Eks Prim Ministru Joseph Muscat jgħid li jinsab sorpriż illi matul iż-żewġ seduti li saru s’issa, għadu ħadd m’akkużah li wettaq att ta’ frodi mill-kumpanija Egrant: “Sorpriż ħafna li ilna erba’ sigħat f’dan il-kumitat u għadu ħadd ma staqsieni fuq l-implikazzjoni li jien ħadt il-flus mill-kumpanija Egrant. Ġew iffalsifikati firem biex ħarġet din l-istorja u s’issa għadu ħadd m’għamilli domanda dwarha”.

Qal dan waqt ix-xhieda tiegħu quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi (il-PAC), hekk kif kompla jwieġeb għall-mistoqsijiet dwar il-proġett tal-powerstation.

Matul is-seduta, huwa sostna li matul iż-żmien li okkupa l-kariga ta’ Prim Ministru ta’ Malta, huwa ma kellu l-ebda rwol fit-tfassil tad-dokument tat-tender għall-proġett tal-qalba għall-gass, kif ukoll li qatt ma nnomina persuni fuq il-kumitat ta’ evalwazzjoni għall-għażla tal-proġett tal-enerġija: “Fil-proġett tal-enerġija, u kull proġett ieħor, jien qatt ma dħalt fuq persuni li kienu fuq il-bord tal-għażla”. 

Madankollu, Dr Muscat qal li jassumi illi l-persuni inkarigati minn dan il-proġett ġew magħżula skont il-kompetenzi tagħhom u li kellhom fiduċja fil-Gvern dwar it-traħħis fil-kontijiet u t-tnaqqis ta’ tniġġis fl-arja.

F’punt minnhom huwa aċċenna għall-evalwazzjoni li twettqet mill-Awditur Ġenerali fejn qal li: “Sew għamel l-Awditur Ġenerali li wettaq l-evalwazzjoni tiegħu li turi li biex pajjiżna jkompli miexi ‘l quddiem, il-proċess ta’ public procurement se jkollu jinbidel iktar biex jassigura li jkun hemm biżżejjed riżorsi biex jiġu mmaniġġjati public private partnerships bħalma kien il-proġett għall-qalba tal-gass”.

“Il-mod kif iċ-Chairman qed imexxi l-kumitat illum huwa sempliċiment knee-jerk reaction wara l-laqgħa tal-ġimgħa li għaddiet,” qal lejn l-aħħar tax-xhieda tiegħu Dr Muscat.

Il-laqgħa quddiem il-PAC mistennija tkompli nhar it-Tlieta li ġej fis-2:00 p.m.

Sport