Friday, March 7, 2025

Imġedda u msaħħa l-iskema Garanzija għaż-Żgħażagħ biex aktar żgħażagħ jilħqu l-potenzjal tagħhom

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri ġie mħabbar it-tiġdid tal-iskema Garanzija għaż-Żgħażagħ b’investiment ta’ aktar minn €10 miljun minn fondi pubbliċi u oħrajn mill-Fond Soċjali Ewropew. Finanzjament li huwa parti mill-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej li kiseb pajjiżna fl-2020.

L-iskema Garanzija għaż-Żgħażagħ se jgawdu minnha żgħażagħ ta’ bejn il-15 u d-29 sena. Dan ifisser li ser jibbenefikaw aktar żgħażagħ hekk kif fl-iskema ta’ qabel gawdew minnha dawk li kellhom sa 24 sena. B’din l-iskema, żgħażagħ li jkollhom bżonn jiksbu ħiliet u kwalifiċi biex ikunu lesti għad-dinja tax-xogħol, igawdu permezz ta’ taħriġ li jingħata b’kollaborazzjoni bejn Jobsplus u istituzzjonijiet edukattivi, fost oħrajn. Fil-fatt, l-iskema preċedenti, li ħaddem il-Gvern, issarrfet minn 6,000 żagħżugħ fejn kważi 90% minnhom kisbu kwalifiċi u ħiliet jew daħlu fid-dinja tax-xogħol.

Fl-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif it-tiġdid tal-iskema Garanzija għaż-Żgħażagħ hi miżura oħra mwettqa mill-programm ta’ ħidma tal-Gvern. Qal li l-ħsieb ħolistiku tal-Gvern hu li ħadd ma jaqa’ lura fejn kulħadd jilħaq il-potenzjal tiegħu. Semma l-pjan tal-Gvern li jiftaħ l-Istitut għas-Snajja’ fi ħdan l-MCAST u l-fatt li pajjiżna kompla jagħmel passi sinifikanti fit-tnaqqis fir-rata ta’ persuni li jitilqu kmieni mis-sistema edukattiva. Spjega kif l-investiment fl-edukazzjoni wkoll vokazzjonali hu pass importanti biex is-sistema edukattiva u dik ta’ taħriġ taqbad kull żagħżugħ u żagħżugħa li jirċievu t-taħriġ meħtieġ ħalli jkunu mħejjija aktar għad-dinja tax-xogħol tal-lum.

Dr Abela nnota li l-iskema Garanzija għaż-Żgħażagħ tmur id f’id mal-Malta Labour Migration Policy bil-prinċipju Maltin l-ewwel, fejn l-aqwa opportunitajiet ekonomiċi jibqgħu jeħduhom iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Huwa rringrazzja wkoll lil JobsPlus talli tmexxi din l-iskema li biha aktar żgħażagħ jiġu mgħejjuna biex jimxu ’l quddiem.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri sostna li pajjiżna, meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra Ewropej għandu fost l-aħjar rata ta’ impjiegi u li dan huwa suċċess li l-Gvern hu kburi bih, iżda tenna li fl-istess ħin, jifhem li hemm ċirkostanzi fejn persuna taf tkun teħtieġ iktar għajnuna. B’dan, fi kliem il-Ministru Camilleri, hu obbligu tal-Gvern, dejjem kien u jibqa’, li anke jekk ikun hemm biss persuna waħda jintervjeni biex jgħinha timxi ’l quddiem.

Bil-Garanzija għaż-Żgħażagħ, għandha proprju dan il-għan, li ebda żagħżugħ jew żagħżugħa m’għandha tkun barra l-edukazzjoni, ix-xogħol jew taħriġ. Ikkonkluda li hija wkoll inizjattiva li għandha valur fil-kuntest tal-Labour Migration Policy li qed ifassal pajjiżna li ser tippremja t-taħriġ. Għax fid-dinja tal-lum qatt ma taf biżżejjed u dejjem wieħed irid jinvesti fih innifsu. F’dan il-każ l-investiment hu fiż-żgħażagħ Maltin biex igawdu mis-suċċess ta’ pajjiżhom.

Qabel il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru Byron Camilleri u l-Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus Celia Falzon, iltaqa’ mal-ħaddiema ta’ Jobsplus u ra aktar mill-qrib il-ħidma li ssir ta’ kuljum.

Sport