Sunday, December 22, 2024

Imġedded ftehim bejn il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u l-MFOPD

Aqra wkoll

Permezz tat-tiġdid tal-ftehim bejn il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u l-Federazzjoni Maltija ta’ Organizzazzjonijiet għal Persuni b’Diżabilità, l-MFOPD, se tingħata għajnuna finanzjarja biex din il-federazzjoni tkun tista’ tassisti lill-organizzazzjonijiet li huma membri tagħha u tkompli toħloq aktar għarfien dwar is-settur tad-diżabilità permezz ta’ xogħolha.

Il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja se jħallas sa massimu ta’ €40,000 kull sena għall-ispejjeż amministrattivi tal-federazzjoni, li hi r-rappreżentanta nazzjonali għas-settur Malti tad-diżabilità, kemm fil-fora nazzjonali kif ukoll f’dawk internazzjonali.

L-MFOPD, li ilha stabbilita mill-1970, tilqa’ taħt il-kappa tagħha 33 għaqda mhux governattiva u tmien individwi fis-settur tad-diżabilità u tgħaqqadhom fil-ħidma fil-qasam tad-diżabilità.

Kull sena din il-federazzjoni tippubblika r-rivista One Voice, filwaqt li tipparteċipa fi proġetti lokali u anke Ewropej. Permezz tal-organizzazzjoni msieħba tagħha, il-MASE, taħdem ukoll fuq supported employment għall-persuni b’diżabilità.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li l-MFOPD hi stakeholder importanti fis-settur tad-diżabilità, il-vuċi ta’ 33 NGO.

“Bħala pajjiż irridu nieħdu dawk il-miżuri kollha possibbli biex nassistu lill-persuni b’diżabilità ħalli jkollhom il-vuċi tagħhom. Il-vera sinjifikat tal-inklużjoni hu li ħadd ma jaqa’ lura jew li jkun żvantaġġat. Għaldaqstant, importanti li nagħtu l-għodda lill-persuni b’diżabilità ħalli permezz tal-vuċi tagħhom iwasslulna l-ħsibijiet tagħhom, it-tħassib li jkollhom u anke modi ġodda ta’ kif dejjem nistgħu nimxu ’l quddiem biex nipprovdulhom kwalità ta’ ħajja aħjar”.

“Inħarsu ’l quddiem għal aktar kollaborazzjoni mal-MFOPD u ma’ dawk l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabilità ħalli flimkien inkomplu naħdmu biex il-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jgħixu ħajja sabiħa bħal kulħadd.”

Il-President tal-MFOPD, Marthese Mugliette, qalet, “Il-federazzjoni tfaħħar id-deċiżjoni tal-Ministru Julia Farrugia Portelli biex jiġi mġedded dan il-ftehim għad-day to day running tal-federazzjoni. Din id-deċiżjoni tgħid u tfisser ħafna għalina”.

Qalet li l-ministru temmen bil-fatti fil-vuċi tal-persuni b’diżabilità u tfisser li se jkun hemm kontinwazzjoni fl-irwol u fix-xogħol tal-MFOPD. F’dan il-ftit żmien li f’Malta sar għandna Ministeru għall-Inklużjoni, l-MFOPD innutat bidla għall-aħjar f’dan il-qasam. Il-federazzjoni saret aktar viżibbli f’dak li jirrigwarda s-settur tagħna. Il-vuċi tal-persuni b’diżabilità saret preżenti u qed tingħata widen u l-attenzjoni li jixraqilha. “Il-mertu ta’ dan kollu hi l-persuna li tmexxi dan il-ministeru, il-Ministru Julia Farrugia Portelli, li emmnet fina, daħlet fiż-żarbun tagħna u qiegħda timxi l-vjaġġ magħna biex intejbu l-ħajja tal-persuni b’diżabilità”, qalet il-president tal-MFOPD.

Ekonomija

Sport