Sunday, December 22, 2024

Imħabbar roħs fil-prezz ta’ 54 mediċina f’pajjiżna

Aqra wkoll

Ħidma tal-awtoritajiet kompetenti waslet biex  f’dawn l-aħħar ftit xhur kien hemm  roħs sostanzjali fil-prezzijiet ta’ 54 mediċina f’pajjiżna. 

Dettalji dwar dan ingħataw mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela u l-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli f’konferenza.

Il-Ministri spjegaw  li permezz ta’ sinerġija bejn il-“Medicines Intelligence and Access Unit” fi ħdan l-Awtorità tal-Mediċini u l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur saret analiżi li nvolviet id-distributuri farmaċewtiċi lokali u internazzjonali, u eventwalment kien hemm il-ftehim li wassal biex jiġu mraħħsa numru ta’ mediċini f’pajjiżna.

Il-Ministru Jo Etienne Abela qal li l-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna ħallew impatt negattiv fuq il-manifattura ta’ bosta mediċini. Semma kif l-Unjoni Ewropea għaddejja b’ħidma sabiex iżżid l-impjanti farmaċewtiċi fit-territorju tagħha, sabiex ma tibqax tiddependi fuq pajjiżi terzi.

Il-ministru spjega li fi klima internazzjonali ta’ inflazzjoni u permacrisis f’dan il-qasam, mhux faċli li pajjiż ċkejken bħal tagħna jkun moqdi b’mediċini ta’ kwalità bi prezz affordabbli. Għalhekk faħħar il-ħidma tal-Awtorità tal-Mediċini għax-xogħol essenzjali tal-impjegati tagħha, li direttament jew indirettament jaħdem favur ħażna tal-mediċini għaċ-ċittadini.

Apparti r-roħs fil-prezz ta’ dawn il-54 mediċina, 10 mediċini ġodda tat-tip generic iddaħħlu f’Malta bi prezzijiet vantaġġużi.

Il-Ministru Abela nnota b’mod pożittiv lil dawk id-distributuri tal-mediċini f’pajjiżna li kkoperaw mal-Awtorità u spjega li r-roħs huwa reġistrat f’mediċini li jikkuraw firxa wiesgħa ta’ mard bħad-dijabete, il-pressjoni għolja, fibromyalgia, aċidu fl-istonku, il-kolesterol għoli, antibijotiċi, l-osteoporożi u psiko-farmaċi. Ir-roħs ivarja bejn 9%  u 54%. Fil-każ tal-mediċina tafamidis, li tintuża f’pazjenti b’mard rari ta’ newropatija, sar roħs li jammonta għal €1,900.

“Dan hu xhieda tal-impenn tal-gvern li jindirizza l-għoli tal-ħajja waqt li jassigura l-aċċessibilità ta’ mediċini ta’ kwalità,” temm jgħid il-Ministru Abela.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli faħħret il-ħidma li saret li waslet għar-rebħa oħra favur il-konsumatur.

“Dan juri konsistenza fil-ħidma ta’ dan il-gvern biex inkomplu nipproteġu lill-familji Maltin u Għawdxin. F’ċirkostanzi straordinarji fl-Ewropa u internazzjonalment irridu nibqgħu nżommu lill-pazjent u lill-konsumatur fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna. Il-Budget 2024 u dan it-traħħis f’dawn il-mediċini hi prova ċara ta’ dan l-impenn,” spjegat il-Ministru Farrugia Portelli.

“Il-gvern jagħraf l-importanza ta’ mediċini aċċessibbli u dan jista’ jsir biss jekk il-prezzijiet tagħhom ikunu jistgħu jintlaħqu filwaqt li tkun assigurata l-kwalità u s-sigurtà ta’ kull prodott fis-suq,” żiedet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli filwaqt tenniet li dan eżerċizzju li jrid ikompli kontinwament.

Ekonomija

Sport