Saturday, December 21, 2024

Imħabbra r-rebbieħa ta’ Premju Soċjetà Ġusta 2024: Ċelebrazzjoni tal-ħidma u l-kisbiet fis-settur tad-diżabilità

Aqra wkoll

Anatole Baldacchino u Christine Mifsud huma r-rebbieħa ta’ Premju Soċjetà Ġusta 2024.

Ir-rebbieħa tħabbru mill-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, fil-preżenza tal-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia, u tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, Mark Musù.

Ġew nominati total ta’ 14-il għaqda jew individwu fit-tliet kategoriji rispettivi li huma:

(i) Premju Soċjetà Ġusta

(ii) Premju lill-Għaqda Volontarja għal Ħidma għat-Tisħiħ tal-Inklużjoni

(iii) Premju għall-Kisba tul il-Ħajja fis-Settur tad-Diżabilità

Premju Soċjetà Ġusta, hu maħsub biex jirrikonoxxi individwu jew individwi b’diżabilità li juru kwalitajiet li permezz tagħhom jagħmlu differenza kbira u pożittiva fis-settur. F’dawn l-aħħar snin Anatole Baldacchino għamel riċerka fuq il-mediċina Thalidomide li kienet tingħata lil nisa tqal li jbatu mill-morning sickness. Frott ta’ dan xi trabi twieldu b’diżabilitajiet jew diformitajiet f’ġisimhom. Huwa l-awtur tal-ktieb ‘The Malta Thalidomide Affair’ u voċiferu ħafna fil-messaġġ tiegħu favur dawn il-vittmi.  Anatole kien il-vuċi tal-vittmi tat-thalidomide u l-attiviżmu tiegħu fis-suġġett ikkontribwixxa biex il-gvern jikkumpensa lil 25 vittma tat-Thalidomide li għadhom ħajjin u li qed isofru xi forma ta’ diżabilità. Huwa attiv ħafna wkoll biex ixandar messaġġi favur persuni b’diżabilità fuq diversi mezzi nkluż programmi tar-radju u tat-televiżjoni.

Min-naħa l-oħra, Christine Mifsud, minkejja li tilfet id-dawl tagħmel mill-aħjar biex tibqa’ tgħix ħajja indipendenti fil-komunità. Christine hija impjegata ta’ CRPD u tmexxi l-programmi ta’ taħriġ u għarfien fuq id-diżabilità, magħrufin bħala d-Disability Equality Training (DETs). Hija voċifera ħafna għall-messaġġi tagħha li tgħaddi favur id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità u tippreżenta wkoll programm fuq ir-radju dwar dan. Għalhekk għal din is-sena, inħass li dan il-premju li normalment jingħata lil persuna waħda, jingħata lil Anatole Baldacchino u lil Christine Mifsud li t-tnejn kienu denji li jirċevuh.

Ir-rebbieħ tal-premju għall-Kisba tul il-Ħajja fis-Settur tad-Diżabilità, ingħata lill-Avukat Dr Alistair De Gaetano bħala rikonoxximent għas-snin ta’ ħidma tiegħu fil-qasam tad-diżabilità. Dr De Gaetano ddedika l-karriera professjonali tiegħu bħala avukat biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk li qed jiffaċċjaw sfidi ta’ diżabilità, filwaqt li kien strumentali fil-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tan-nies b’diżabilità u fl-iżvilupp ta’ servizzi aktar aċċessibbli u ġusti li jingħataw mill-gvern. Huwa kiteb numru ta’ liġijiet li jmissu mas-settur tad-diżabilità u preżentament iservi bħala ċ-Chairperson tal-Autism Advisory Council.

Finalment, il-premju lill-Għaqda Volontarja Għal Ħidma għat-Tisħiħ tal-Inklużjoni ntrebaħ mill-Vikings Sailing Club. Dan il-premju għandu l-għan li jirrikonoxxi lil dawk l-għaqdiet volontarji li permezz tal-ħidma tagħhom xprunaw soċjetà aktar inklussiva. Il-Vikings Sailing Club iddistingwiet ruħha fil-ħidma tagħha favur l-inklużjoni, hekk kif organizzat programmi ta’ taħriġ tas-sailing apposta mmirati għal tfal b’diżabilitajiet fiżiċi u intellettwali.  Huma jaċċertaw li permezz ta’ dawn is-sessjonijiet ta’ taħriġ it-tfal tingħatalhom id-dinjità li tixraqilhom u l-indipendenza tagħhom.

Waqt is-serata, ingħataw ukoll żewġ rikonoxximenti speċjali lil Maja Theuma u Antonio Flores li ġew rikonoxxuti għall-impenn u r-reżiljenza straordinarja tagħhom fil-qasam tal-isport, fejn minkejja kull sfida, irnexxielhom jilħqu l-ogħla livell u rrappreżentaw lil Malta fil-Logħob Paralimpiku f’Pariġi. Dan ir-rikonoxximent mhux biss jirrifletti l-kisbiet personali tagħhom, iżda juri wkoll kif l-isport jista’ jkun mezz qawwi ta’ inklużjoni, fejn kull atleta jingħata l-opportunità li jikkompeti fuq livell internazzjonali u li jkun ta’ ispirazzjoni għall-oħrajn.

It-tieni u l-aħħar rikonoxximent ingħata lill-għaqda Voice for Inclusion Gozo għall-ħidma importanti li qed twettaq biex tippromwovi l-inklużjoni fis-soċjetà Għawdxija. Waħda mill-inizjattivi ewlenin tagħha hija l-proġett ta’ Skolasajf speċjalizzata għat-tfal b’diżabilità fis-Sannat Special Unit. B’dan il-proġett li qed isir f’Għawdex, qed jibbenefikaw 67 student b’diżabilità – żieda ta’ 17-il student meta mqabbel mas-sena li għaddiet.

Indirizzaw is-serata, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Mark Musù, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia u l-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono.

Is-Segretarju Permanenti Mark Musù tkellem dwar in-nomini u l-proċess tal-għażla li wassal għall-premjijiet mogħtija. Huwa qal li din l-inizjattiva li issa ilha disa’ snin tixhed l-impenn tal-mira li għandna bħala pajjiż li ngħixu f’soċjetà verament ġusta.

Fid-diskors tagħha, il-Ministru Julia Farrugia tenniet kif dawn il-premjijiet huma xhieda ċara tal-impenn tal-gvern biex jinbena pajjiż aktar ġust u inklussiv, fejn kull persuna, irrispettivament mill-isfidi li tista’ tiffaċċja, tkun kapaċi tgħix ħajja b’dinjità u opportunitajiet ugwali. “Bħala gvern nibqgħu impenjati biex inwettqu politika li tagħti vuċi lil kulħadd, u r-rebbieħa u anka dawk nominati huma eżempji ċari ta’ determinazzjoni, ħidma u fuq kollox impenn. Dawn il-proġetti u l-ambizzjonijiet ta’ dawn l-individwi għandhom iservu ta’ ispirazzjoni għalina lkoll,” temmet tgħid il-ministru.

Il-President ta’ Malta, fl-indirizz tagħha, saħqet fuq il-bżonn tal-inklussività sabiex l-individwi jilħqu l-milja tat-talenti tagħhom, għaliex id-diżabilità hemm bżonn li bl-impenn ta’ kulħadd tissarraf fl-abbiltajiet differenti li kull persuna għandha għall-ġid tal-persuna u tas-soċjetà. Il-President irringrazzjajt lill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat li kull sena bl-organizzazzjoni ta’ din is-serata jkompli jqajjem kuxjenza dwar il-ħtieġa ta’ soċjetà inklussiva u ġusta.

Ekonomija

Sport