Sunday, October 27, 2024

Imnedija l-programmi għas-sajf għaż-żgħażagħ

Aqra wkoll

Bħala parti mill-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ, Aġenzija Żgħażagħ nediet il-programmi għas-sajf għaż-żgħażagħ, ‘Dive into Summer’, bil-għan li jiksbu diversi ħiliet li jkunu jistgħu jużaw matul ħajjithom. Dawn il-programmi tnedew mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Teuma.

Il-programmi huma miftuħa għal żgħażagħ ta’ bejn it-12 u s-16-il sena, u bil-parteċipazzjoni tagħhom iż-żgħażagħ jistgħu jiksbu abbiltajiet ġodda u jitgħallmu dwar suġġetti varji bħal: l-etika, it-teknoloġija u kif taħdem f’tim.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal, “L-għan ta’ dawn il-programmi huwa li jgħin liż-żgħażagħ ikollhom aktar kunfidenza fihom infushom. Billi jipparteċipaw b’mod attiv, mhux biss jiksbu ħiliet ġodda iżda wkoll jiskopru l-abbiltajiet tagħhom, li huma kruċjali għat-tkabbir personali u professjonali tagħhom”.

Is-sena li għaddiet aktar minn 550 żagħżugħ u żagħżugħa attendew għall-programmi tas-sajf. Din is-sena l-aġenzija se twassal 18-il programm varjat f’erba’ postijiet: Santa Venera, l-Imsida, il-Birgu u Għajnsielem.

Dawn il-programmi jkopru firxa wiesgħa ta’ suġġetti, mill-iżvilupp personali sal-komunikazzjoni, kif ukoll il-ħsieb kreattiv u kritiku. Kull programm huwa mfassal biex jipprovdi liż-żgħażagħ b’opportunitajiet biex jiskopru u jtejbu l-kapaċitajiet u l-ħiliet tagħhom permezz ta’ diversi mezzi bħad-drama, il-podcasting u l-midja soċjali.

Il-Kap Eżekuttiv Miriam Teuma spjegat li l-aġenzija tara li tuża l-edukazzjoni mhux formali u toffri programmi li jagħtu ħiliet liż-żgħażagħ biex jikkumplimentaw il-bżonnijiet tas-soċjetà kif ukoll għall-futur. Bħala eżempju semmiet il-ħiliet diġitali li dan is-sajf l-aġenzija se tkun qed twassalhom b’diversi modi, fosthom bl-użu tar-realtà virtwali.

Il-parteċipazzjoni f’dawn il-programmi mhix biss vjaġġ ta’ tkabbir personali iżda wkoll opportunità biex ikomplu jkabbru l-profil edukattiv tagħhom. Iż-żgħażagħ jistgħu jinkludu l-involviment tagħhom f’dawn il-programmi fiċ-ċertifikat tal-iskola sekondarja, u dan jirrifletti l-impenn tagħhom għall-attivitajiet extrakurrikulari.

Għal aktar informazzjoni u biex tirreġistra għall-programmi tista’ tidħol hawn: https://forms.office.com/pages/responsepage.aspx?id=9dnNNLhdvEmsugH2XMpoDd6rXM0pqTxKpLlUcIjWDqhUQUFOSVEyNlQzVkJMN1dVVVZESkI0MDlJSC4u

Sport