Tuesday, February 25, 2025

Imniedi l-Karnival Żabbari mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar

Aqra wkoll

Nhar it-Tnejn 3 ta’ Marzu se jittella’ l-Karnival Żabbari fit-triq prinċipali tal-lokalità. Dan se jkun organizzat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar f’kollaborazzjoni mad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali. Id-dettalji dwar dan ingħataw mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli flimkien mas-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar, Jorge Grech, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, Emile Vassallo, kif ukoll il-Kunsillier responsabbli mill-kultura fi ħdan il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar, Charles Scicluna.

Ġie spjegat kif din l-attività, li se tkun qed tinkludi diversi kumpaniji ta’ żfin, mużiċisti, animaturi, karrijiet u maskeruni, qed tittella’ permezz tal-fond għall-attivitajiet kulturali li kien ġie mniedi mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali. Fil-fatt, b’kollox ibbenefikaw 42 Kunsill Lokali minn dan il-fond sabiex itellgħu attività tal-Karnival.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet kif permezz ta’ dawn l-iskemi qed jixprunaw lill-Kunsilli Lokali sabiex itellgħu attivitajiet kulturali u staġjonali. Qalet kif dan qed issir sabiex kulħadd, inkluż dawk bi problema ta’ mobbilità, ikun jistgħu jgawdu dawn l-attivitajiet f’lokalità qrib tagħhom.

“Il-prijorità ta’ dan il-Gvern hi li ngħollu l-kwalità tal-ħajja tan-nies, u nemmen li attivitajiet bħal dawn qed ikunu ta’ għajnuna sabiex nilħqu dan l-għan. Il-kultura hi parti integrali mis-soċjetà Maltija u l-Karnival huwa parti mill-identità tagħna. Wara li smajna t-talba tal-Kunsilli Lokali nnifishom, ħriġna skema immirata għall- attivitajiet tal-Karnival. Skema li ntlaqgħet tajjeb ferm u li minnha qed jibbenefikaw 42-il Kunsill Lokali,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari.

Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar, Jorge Grech qal li grazzi għal din l-iskema l-Kunsilli Lokali qed jingħataw l-opportunità sabiex itellgħu għadd ta’ attivitajiet kulturali.

Id-Direttur Ġenerali Emile Vassallo ħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali sabiex jersqu ’l quddiem u jipparteċipaw fi skemi bħal dawn, li permezz tagħhom igawdi l-pubbliku Malti u Għawdxi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport