Grupp ta’ persuni allegatament ġew “attakkati” minn ħares f’Għawdex

…Jallega li “ħares” qabdu minn wara u sabbtu fuq sodda

Aqra wkoll

Storja tal-biża’ li seħħet f’Għawdex fil-lejl ta’ bejn it-22 u 23 ta’ Settembru li għadda nisslet biża’ kbir fost il-komunità tax-Xewkija u anke fost uħud mill-membri tal-Korp tal-Pulizija stazzjonati fl-Għassa tar-Rabat Għawdex.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma ma’ dan is-sit li kien daħal rapport dwar dan il-każ. 

Intant sorsi li tkellmu magħna qalulna li kien għall-ħabta tas-2.00 a.m. tal-lejl ta’ bejn it-22 u 23 ta’ Settembru meta fl-Għassa tar-Rabat Għawdex daħlet telefonata li kienet tgħid “ejjew… għandna bżonn l-għajnuna għax qegħdin niġu attakkati minn ħares.”

Il-pulizija marru mill-ewwel fuq il-post fejn quddiem ir-residenza indikata sabu erba’ persuni u minuri fuq barra. Il-persuni huma kollha Maltin li kienu Għawdex għal vaganza.

Kien evidenti li l-persuni kellhom qata’ kbira fuqhom għalkemm jidher li ħadd ma sofra xi ġrieħi f’dan il-każ.

Is-sorsi qalulna li dawn il-persuni bdew jallegaw li waqt li kienu reqdin, waħda mill-persuni bdiet tisma’ lil xi ħadd jgħajjat “Ma… Ma…” u ħasbet li kienet il-minuri li kienet qiegħda ssejħilha.

Komplew jallegaw li minn taħt il-bieb din il-mara rat dell ta’ persuna u anke bdiet tisma’ leħen. Meta tkellmet mal-persuni l-oħrajn li kienu fl-istess residenza qalu li huma kienu qegħdin jaraw l-istess. 

F’dak il-ħin il-kelb li kien fl-istess residenza beda “jibki”…

Huma ddeċidew li jitilqu ’l barra b’mod immedjat… iżda hekk kif kienu neżlin mit-taraġ, wieħed mill-persuni li kien għadu ħiereġ mill-kamra tas-sodda allega li ġie raġel minn warajh, qabdu minn wara u beda jsabbtu mas-sodda.

Ir-raġel allega li “l-ħares” beda jsabbtu b’saħħa kbira ħafna fuq is-sodda… Imbagħad l-istess raġel deher ħiereġ minn bieb tal-ħġieġ meta dan l-istess bieb kien magħluq.

Waqt li l-istess persuni kienu isfel biex joħorġu ‘l barra bdew jaraw il-bieba tal-forn tisabbat – tinfetaħ u tingħalaq b’saħħa – filwaqt li kien hemm fan li l-wire tagħha beda jinġibed u l-istess fan tinġarr fil-kamra. Allegaw ukoll li l-buttuni tal-microwave bdew jinxtegħlu weħidhom…

Wieħed mill-persuni li kien fuq ġew allega li hu ra lil dan ir-raġel tajjeb ħafna… kellu wiċċu abjad u mingħajr għajnejn…

Jirriżulta li l-pulizija bdew jistaqsu hekk kienx hemm xi persuna jew persuni oħra fuq ġewwa tar-residenza, iżda l-istess persuni assiguraw lill-pulizija li ma kien hemm ħadd fuq ġew aktar.

Il-pulizija baqgħu fuq il-post sakemm il-persuni telqu minn hemm u anke sar rapport b’mod uffiċjali mal-Pulizija.

Dan is-sit hu informat li sigħat wara ttieħed saċerdot magħruf li jgħix f’Għawdex biex ikun jista’ jara eżattament x’seħħ fir-residenza.

Il-Pulizija kompliet tinvestiga dan il-każ.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport