- Fl-Istati Uniti l-PM Robert Abela jasal fl-aħħar stadji ta’ ftehim mad-Delta Airlines għal aktar titjiriet mill-USA
- Żieda ta’ 22% fit-turisti Amerikani – Iħallu €120 miljun
- It-Torċa b’dettalji esklussivi ta’ stħarriġ li jindika: 80% tat-turisti Amerikani għandhom ‘l fuq minn 35 sena
Il-gazzetta it-Torċa tista’ tiżvela li waqt li kien għaddej f’diskussjonijiet kruċjali fi New York, il-Prim Ministru Robert Abela u t-tmexxija tal-linja tal-Ajru Delta Airlines waslu viċin ferm ta’ ftehim sabiex ikunu estiżi t-titjiriet mill-Istati Uniti għal Malta għall-2027.

Sorsi mill-Gvern qalu li dan mhu xejn jekk mhux ċertifikat mill-isbaħ għal pajjiżna u d-domanda b’saħħitha u l-interess qawwi mis-suq Amerikan għal Malta. “Malta lesta biex tibdel din it-tnedija ta’ suċċess fi sħubija transatlantika, li ddum is-snin,” qalu mat-Torċa dawn is-sorsi.
Is-suċċess tar-rotta mill-Ajruport JFK fi New York għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jidher ċar mill-fatt li t-titjiriet kellhom seat load factor ta’ 84%. Is-seat load factor huwa l-persentaġġ tas-seats fuq ajruplan li huma disponibbli, kkumparat ma’ kemm minnhom ikunu mimlija b’passiġġieri.
Stħarriġ li għandha f’idejha t-Torċa juri kif fl-2026 – u allura l-ewwel sena mill-ftehim tal-Gvern mad-Delta, il-profil tat-turist Amerikan huwa aktar matur fl-età u ta’ livell edukattiv ogħla. Fil-fatt madwar 80% tat-turisti Amerikani huma ta’ mezza età, jew 35 sena ‘l fuq. Dan filwaqt li jirriżulta illi 84.6% minnhom għandhom edukazzjoni post-sekondarja jew terzjarja.
L-istess stħarriġ juri kif b’81% il-maġġoranza l-kbira tat-turisti mill-Istati Uniti semmew l-istorja u l-kultura bħala l-motivazzjoni għall-vaganza tagħhom f’Malta. Dan filwaqt li kważi 70% semmew ix-xemx, il-baħar u l-mistrieħ.
77% tat-turisti Amerikani ġew influwenzati mill-fatt li Malta kienet destinazzjoni ġdida, 53% mill-użu mifrux tal-Ingliż filwaqt li 50% semmew l-valur għall-flus li toffri Malta.
Il-potenzjal joħroġ b’mod aktar ċar hekk kif l-istess ċifri li għandha t-Torċa juru kif 87.6% tat-turisti Amerikani kienu f’Malta għall-ewwel darba.
Ħarsa lejn it-turist Amerikan fl-2025
Ħarsa lejn it-turist Amerikan fl-2025 juri numri inkoraġġanti hekk kif wieħed jista’ jgħid illi dan huwa l-aktar suq turistiku li qed jikber u li għandu l-ogħla valur turistiku.
B’kollox is-sena l-oħra il-wasliet ta’ turisti mill-Istati Uniti żdiedu b’22.3%, l-iljieli żdiedu b’31.1%, filwaqt li nefqu f’Malta 33% aktar.
Dan ifisser li n-nefqa totali tat-turist Amerikan kienet ta’ €121.4 miljun fl-2025, għal medja ta’ nefqa ta’ €1,494 ras għal ras, jew €249 nefqa kull lejl.
L-għan tal-Gvern tibqa’ l-kontinwità u allura staġun turistiku li jopera għal perjodu itwal, frekwenza ta’rotot kummerċjalment vijabbli u post stabbli fin-netwerk ntransatlantiku ta’ Delta Airlines.
Laqgħat oħrajn tal-PM Robert Abela fi New York
F’laqgħa separata ma’ BlackRock, waħda mill-akbar kumpaniji fid-dinja fil-qasam tal-investment management, ġew diskussi opportunitajiet għal aktar investiment f’Malta. Il-Prim Ministru tkellem dwar il-prestazzjoni b’saħħitha tal-ekonomija Maltija, l-istabbiltà tal-pajjiż u l-ħidma li qed issir biex Malta tkompli tattira investiment ta’ kwalità f’setturi strateġiċi u innovattivi.
Matul il-laqgħa, il-Prim Ministru sostna li Malta trid tibqa’ sieħeb kredibbli u kompetittiv għall-investituri internazzjonali, filwaqt li l-investiment li jattira l-pajjiż għandu jkompli joħloq impjiegi ta’ kwalità u opportunitajiet ġodda għall-ħaddiema u n-negozji Maltin u Għawdxin.
“Dawn il-laqgħat jirriflettu l-ħidma kontinwa tagħna biex insaħħu l-konnettività ta’ Malta u nġibu lejn pajjiżna aktar investiment ta’ kwalità. L-għan tagħna huwa ċar. Ekonomija aktar b’saħħitha u kompetittiva li toħloq opportunitajiet aħjar għan-nies, għan-negozji u għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin,” qal il-Prim Ministru Robert Abela.
Waqt il-Concordia Annual Summit, il-Prim Ministru sostna li t-tkabbir ekonomiku għandu jitkejjel mhux biss miċ-ċifri, iżda mill-opportunitajiet li joħloq fil-ħajja tan-nies.
F’diskors dwar l-ekonomija globali u l-kummerċ, huwa qal li, għal pajjiż gżira bħal Malta, il-kummerċ mhuwiex sempliċiment kunċett ekonomiku, iżda kundizzjoni essenzjali għall-prosperità. Huwa permezz tiegħu li jaslu l-prodotti, is-servizzi jaqsmu l-fruntieri, jiċċirkolaw l-ideat, jasal l-investiment u jinħolqu opportunitajiet.
Il-Prim Ministru osserva li l-ekonomija globali tinsab f’mument ta’ trasformazzjoni, hekk kif qed jinbidlu r-rotot kummerċjali u l-ktajjen tal-provvista, filwaqt li t-teknoloġija u l-pressjonijiet klimatiċi qed ibiddlu l-mod kif joperaw in-negozji u jippjanaw il-gvernijiet.
F’dan il-kuntest, saħaq li għandhom jinbnew ktajjen tal-provvista li jifilħu għax-xokkijiet li jistgħu jiddominaw.Huwa rrefera wkoll għal Malta Vision 2050, li għandha tiżgura li t-tkabbir ekonomiku jissarraf f’opportunitajiet aħjar, impjiegi ta’ kwalità, ħiliet aktar b’saħħithom, komunitajiet sostenibbli u ekonomija aktar kompetittiva.
