“Jekk hemm xi ħaġa li importanti nkomplu nagħmlu fiż-żmien li ġej hi dik li nibqgħu għaqlin fit-tmexxija tal-finanzi tal-pajjiż.” Iddikjara dan il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana waqt diskussjoni li saret f’attività politika mtella’ mill-Partit Laburista, li trattat il-ħelsien ekonomiku ta’ pajjiżna mill-1979 lil hawn. F’din id-diskussjoni ħadu sehem ukoll il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri u d-Deputat Laburista Cressida Galea.
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Clyde Caruana qal li meta wieħed jidħol fl-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna, isib illi dak li ġara huwa l-eżempju klassiku ta’ kif biex pajjiż jieħu r-ruħ ekonomikament, ir-riċetta li adottajna hija dik il-waħda li trid issir. Huwa fakkar kif l-uġigħ ta’ ras li kellu l-Perit Duminku Mintoff u anke dawk ta’ qablu, kien ġej mill-fatt jekk dik id-daqsxejn ta’ gżira kienx qatt se jkun possibbli għaliha li tiġġenera biżżejjed għajxien sabiex tmantni lin-nies tagħha.
Hawn semma żewġ affarijiet li rnexxielu jagħmel il-Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien u li għadhom magħna sal-lum. Dawn kienu “li teduka lin-nies tiegħek sabiex ikollok il-ħiliet meħtieġa biex ix-xogħol jiġi lejn il-pajjiż u l-manifattura kienet il-bażi biex dan il-pajjiż jibda tiela’ tarġa tarġa fl-iżvilupp ekonomiku tiegħu.”
Il-Ministru Caruana stqarr li dak li pajjiżi oħra ħadu 200 sena biex għamlu, l-iżvilupp industrijali tagħhom, dan il-pajjiż irnexxielu jagħmlu fi żmien 20 sena. “Bid-diffikultajiet u t-tbatijiet kollha, b’dak kollu llum qegħdin hawn. Naħseb li l-Partit Laburista matul iż-żmien, speċjalment fs-sebgħinijiet u t-tmenijiet, irnexxielu jagħti l-pjattaforma lil dan il-pajjiż sabiex illum qegħdin fiex ninsabu,” tenna jgħid il-Ministru Caruana.