Madwar id-dinja l-aktar fost dawk delettanti tat-tiġrijiet taż-żwiemel, ġriet l-aħbar li kien miet il-leġġenda tat-trott – Varenne.
Magħruf aktar bħala ‘Il Capitano’ – Varenne kien meqjusa bħala wieħed mill-akbar champions fl-istorja tat-tiġrijiet taż-żwiemel.
Rapport fil-midja internazzjonali qalu li ż-żiemel Taljan kellu 31 sena u sofra attakk tal-qalb.
Kien twieled fis-19 ta’ Mejju tal-1995 f’Copparo fl-Italja, u ftit ftit żmien Varenne sar sinonimu mat-tiġrijiet tat-trott internazzjonali. Għal ħafna snin kien ir-rebbieħ tat-tiġrijiet il-kbar li saru fl-Ewropa fosthom fi Franza fejn hemm tradizzjonijiet kbar tat-tiġrijiet taż-żwiemel.
Varenne kellu karriera straordinarja li matulha ġera 73 darba u rebaħ 62 tiġrija. Kien imħarreġ mill-Finlandiż Jori Turja, filwaqt li l-aktar sewwieq marbut mas-suċċessi tiegħu kien it-Taljan Giampaolo Minnucci.
Is-sena 2001 tibqa’ l-aktar sena li Varenne laħaq il-quċċata tal-karriera tiegħu meta kien rebaħ l-Prix d’Amérique f’Vincennes Pariġi, il-Gran Premio Lotteria d’Agnano f’Napli u l-Elitloppet f’Solvalla Stokkolma, it-tliet tiġrijiet ewlenin tat-trott Ewropew u kompla jkabbar l-unuri tiegħu b’rebħa fil-Breeders Crown fl-Istati Uniti.
F’pajjiżu rebaħ diversi umuri fosthom id-Derby Italiano del Trotto tal-1998 u tliet rebħiet konsekuttivi fil-Gran Premio Lotteria di Agnano, bejn l-2000 u l-2002.
Iż-żiemel leġġenda temm il-karriera tiegħu fit-28 ta’ Settembru ta’ 2002 f’Montréal. Tul il-karriera tiegħu kien rebaħ aktar minn €6 miljun fi premjijiet.Matul il-karriera tiegħu ġie wkoll magħżul Żiemel tas-Sena fl-Italja, fi Franza u fl-Istati Uniti.
Wara li rtira mit-tiġrijiet, sar wieħed mill-aktar staljuni mfittxija u matul is-snin kellu aktar minn 2,000 wild, fosthom diversi champions u ħames rebbieħa tad-Derby Taljan tat-trott.
