Saturday, May 4, 2024

Imwettqa 81% tal-miżuri tal-Baġit

Aqra wkoll

Kienu 81% il-miżuri tal-Baġit li ġew imwettqa fl-2023. Dan ħabbru l-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana hekk kif vara l-aħħar pubblikazzjoni mis-sensiela “It-Twettiq tal-Baġit.” B’hekk, ir-rata ta’ implimentazzjoni kompliet titjieb minn sena għal sena fi prova ċara oħra ta’ kemm l-Amministrazzjoni Pubblika taħdem biex issarraf f’realtà l-viżjoni tal-Gvern.

Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana spjega kif dan l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ juri li b’kollox din is-sena twettqu 311-il miżura. Dan jinkludi miżuri mill-baġit 2023 kif ukoll miżuri oħrajn li fis-sena tagħhom kienu fi stadju ta’ twettiq u li twettqu din is-sena.

Fost għadd ta’ eżempji li ta, is-Sur Sultana semma r-rinovar u ftuħ ta’ faċilitajiet sportivi, fosthom pixxina olimpika ġdida ġewwa Bormla kif ukoll l-organizzazzjoni f’Malta tal-Logħob għall-Pajjiżi Żgħar Ewropej. Investimenti fil-korpi dixxiplinati, fl-infrastruttura, fl-edukazzjoni u fl-anzjani, kif ukoll rinovar ta’ Ċentri tas-Saħħa u investiment f’aktar mediċini b’xejn, fosthom b’assistenza lejn koppji li xtaqu l-ewwel tarbija.

Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana sostna li x-xogħol li jsir mis-Servizz Pubbliku ma jsirx b’kumbinazzjoni imma b’riżultat ta’ koordinament qawwi bejn direttorati u dipartimenti, entitajiet u ministeri. Għalhekk huwa rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Amministrazzjoni Pubblika.

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal, “Dak li se nħabbru fil-Budget li ġej huwa l-għira ta’ ħafna pajjiżi oħra, uħud minnhom bil-wisq ikbar minna u b’ħafna iktar riżorsi.” Huwa spjega li minkejja l-għajnuna b’saħħitha li qed jagħti dan il-Gvern fil-qasam tal-enerġija, għajnuna li tlaħħaq it-€350 miljun, matul din is-sena l-Gvern wettaq dawn il-miżuri kollha u kompla għaddej bil-ħidma tiegħu. Dan kollu jkompli jixhed l-għaqal li dan il-Gvern qed imexxi u se jkompli jmexxi bih lil dan il-pajjiż.

Il-Ministru Caruana qal ukoll li fuq medda qasira ta’ erba’ snin id-dinja esperjenzat sfidi kbar li ħallew konsegwenzi kbar, fosthom; il-pandemija, il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, iż-żieda fl-inflazzjoni u issa possibbilment ukoll gwerra oħra fil-Lvant Nofsani. Hu qal li minkejja dan kollu, l-ekonomija ta’ dan il-pajjiż kienet, għadha u se tibqa’ b’saħħitha. “Fil-Budget li ġej se nkomplu nispjegaw dan il-pjan tagħna biex nibagħtu messaġġ ċar, b’saħħtu u ta’ serħan il-moħħ fl-aħjar interess tal-familji Maltin u Għawdxin.”

Il-pubblikazzjoni “It-Twettiq tal-Baġit 2023” fiha elenku tal-miżuri kollha li tħabbru fil-baġit 2023, fejn fuq kull miżura hemm rappurtaġġ tal-istat tagħha. Apparti minn hekk, il-pubblikazzjoni tagħti analiżi tal-andament ekonomiku u rappurtaġġ dwar l-elementi soċjali fil-baġits ta’ dawn l-aħħar snin.

Il-pubblikazzjoni “It-Twettiq tal-Baġit 2023”, maħruġa mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, tista’ tinqara minn hawn: https://publicservice.gov.mt/en/Documents/Twettiq_tal-Bagit_2023.pdf

Sport