Imwettqa 86% tal-miżuri tal-Budget 2026, b’mira ta’ 90% sal-aħħar tas-sena

Aqra wkoll

Il-Kap tas-Servizz Pubbliku, Tony Sultana, ippreżenta lill-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, il-pubblikazzjoni “It-Twettiq tal-Budget 2026”. Fiha jirriżulta li r-rata ta’ ħidma mwettqa għall-implimentazzjoni tal-Budget 2026 kienet ta’ 86%, li hija mistennija titla’ għal madwar 90% sal-aħħar tas-sena. Il-preżentazzjoni saret hekk kif il-Ministeru qed jaħdem fuq l-aħħar irtokki tal-Budget 2027.

Tony Sultana saħaq li l-miżuri tal-Budget ma għandhomx jibqgħu impenji fuq il-karta, iżda jridu jissarrfu f’riżultati tanġibbli għan-nies. Huwa qal li t-trasparenza u l-kontabbiltà huma pilastri essenzjali ta’ amministrazzjoni pubblika li taqdi liċ-ċittadin. Kompla li l-impjegati tal-Amministrazzjoni Pubblika, f’kull livell, huma l-mutur wara l-implimentazzjoni tal-Budget.

Fost il-miżuri tal-Budget 2026 li twettqu hemm:

• it-tnaqqis fit-taxxa għall-ġenituri li tammonta għal madwar €160 miljun;

• iż-żieda ta’ €10 fil-ġimgħa fil-pensjoni għal fuq minn 100,000 pensjonant;

• l-estensjoni tal-Kartuna r-Roża lil min għandu 65 sena, li diġà bbenefikaw minnha madwar 9,500 persuna;

• iż-żieda fiċ-Children’s Allowance għal madwar 10,800 familja bi dħul baxx;

• iż-żieda ta’ 15% fl-istipendji għal 16,800 student;

• iż-żieda fl-iskema Carer at Home għal €9,000 fis-sena;

• il-ftuħ taċ-ċentri ta’ Servizz.gov is-Sibt u l-ftuħ ta’ ċentru ġdid f’Birżebbuġa.

Il-pubblikazzjoni turi wkoll proġetti minn Budgets preċedenti li twettqu matul din is-sena. Fosthom hemm iċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran, il-portal il-ġdid ta’ servizz.gov imħaddem bl-intelliġenza artifiċjali, u l-kumpens lill-eks ħaddiema tat-Telemalta, tat-Tarzna u tal-Gas Board.

Il-Ministru Clyde Caruana rringrazzja lill-Kap tas-Servizz Pubbliku għall-pubblikazzjoni u għall-ħidma li titwettaq mill-amministrazzjoni pubblika fl-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Budget.

Il-pubblikazzjoni fiha l-istat ta’ kull miżura tal-Budget 2026 u tal-Budgets bejn l-2022 u l-2025, flimkien ma’ analiżi tal-andament ekonomiku u l-allinjament tal-miżuri mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport