Miraya Borg, ta’ 17-il sena, rebħet midalja tad-deheb fil-WBC Muay Thai European Festival f’Sardenja, wara l-ewwel rebħa internazzjonali tagħha u l-kisba ta’ midalja tad-deheb tal-WMO f’Ruma kontra l-Ukrajna. Nhar il-Ħadd, 18 ta’ Ottubru, Miraya għelbet lill-Polonja fil-finali u b’hekk saret iċ-Champion Ewropea tal-Amateurs tal-WBC Muay Thai.
B’midalji tad-deheb kemm fil-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-WMO kif ukoll dawk tal-WBC Muay Thai, Borg saret l-ewwel persuna Maltija li kisbet dan is-suċċess doppju; dan jimmarka mument storiku għall-Muay Thai f’Malta u jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala forza emerġenti f’dan l-isport.
Borg se tikkonkludi s-sena billi tikkompeti fil-Muay Thai Grand Prix Malta (MTGP Malta) fil-Padiljun tal-Basketball f’Ta’ Qali f’Novembru li ġej, qabel ma tivvjaġġa lejn it-Tajlandja f’Jannar għal xahar ta’ taħriġ intensiv.




