Tuesday, April 30, 2024

In-Nazzjonijiet Uniti tikkundanna s-sejba ta’ 92 immigrant bla ħwejjeġ bejn it-Turkija u l-Greċja

Aqra wkoll

L-aġenzija tar-refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti qalet li hija tinsab imħassba ferm dwar il-każ ta’ sejba ta’ kważi 100 raġel li kienu bla ħwejjeġ maqbudin fil-fruntiera bejn il-Greċja u t-Turkija. Dawn iż-żewġ pajjiżi qed jitfgħu l-ħtija fuq xulxin għas-sofferenzi tad-92 immigrant. 

Il-Greċja tefgħet il-ħtija fuq it-Turkija u qalet li “l-imġiba tagħha hi tal-mistħija” filwaqt li t-Turkija akkużat lill-Greċja “b’aħbarijiet foloz” u bi “krudeltà”.

Hekk kif iż-żewġ naħat qegħdin jitfgħu l-ħtija fuq xulxin, l-aġenzija tar-refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti sejħet għal investigazjoni u qalet li, “tinsab imħassba ferm dwar ir-rapporti u stampi xokkanti” li waslulha.

Il-każ beda hekk kif il-pulizija tal-Greċja qalu li huma salvaw 92 raġel li nstabu mingħajr ħwejjeġ u wħud minnhom feruti qrib il-fruntiera tat-Tramuntana mat-Turkija. Dawn instabu nhar il-Ġimgħa li għaddiet. Il-pulizija qalu li f’investigazzjoni li għamlu flimkien mal-Frontex sabu evidenza li l-immigranti qasmu x-xmara Evros lejn territorju Grieg permezz ta’ dinghies mit-Turkija. L-awtoritajiet tal-Greċja qalu li dawn il-persuni mill-ewwel ingħataw ħwwejjeġ, ikel u għajnuna medika. S’issa għadu mhux magħruf kif u għaliex dawn il-persuni kienu mingħajr ħwejjeġ. Frontex qalet li dawn l-irġiel fil-maġġoranza tagħhom kienu ġejjin mill-Afganistan u s-Sirja. 

Il-Ministru tal-Protezzjoni Ċivili tal-Greċja Takis Theodorikakos allega li t-Turkija kienet wara dan kellu hekk kif skontu l-immigranti qalu ma’ Frontex li huma twasslu fix-xmara – li hija fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi – minn vetturi militari tat-Turkija.  Min-naħa l-oħra l-President Tork Tayyip Erdogan irrbatta dan u qal li, “il-magna ta’ aħbarijiet foloz mill-Greċja qiegħda terġa’ taħdem”. Huwa qal li dawn l-allegazzjonijiet huma “redikoli u bla sugu”.

Sport