Wednesday, April 24, 2024

IN-NEWTRALITÀ TA’ MALTA WAQT L-INVAŻJONI TAL-UKRAJNA

Aqra wkoll

Malta kienet waħda mill-ewwel pajjiżi li tenniet l-appoġġ lill-Ukrajna malli ġiet invaduta mir-Russja u kkundannat l-azzjonijiet tar-Russja. Malta kienet wieħed mill-ewwel pajjiżi Ewropej li għalaq l-ispazju tal-ajru għall-ajruplani Russi, ingħaqdet fis-sanzjonijiet qawwija kontra istituzzjonijiet u mexxejja Russi ewlenin u saħansitra issospendiet il-bejgħ ta’ passaporti lil ċittadini mir-Russja u mill-Belorussja. 

Malta għamlitha ċara li bħala pajjiż inħaddmu u naħdmu favur li l-pajjiżi kollha tad-dinja, li timxi mal-prinċipji tan-Nazzjonijiet Magħquda li jħarsu s-sovranità u l-indipendenza tal-pajjiżi kollha meqjusa ndaqs u bid-dritt li jagħżlu ħajjithom u bid-dmir li ma jheddux pajjiżi oħra u li kull tilwim jissolva bir-raġuni u mhux bil-forza. 

Malta iddikjarat ukoll li n-newtralità tagħna hija waħda militari u għaldaqstant mhi se tieħu  sehem f’ebda alleanzi militari u li mhux se tippermetti li  pajjiżna jintuża fi gwerra kontra pajjiż ieħor. Dan huwa prinċipju fundamentali imnaqqax fil-Kostituzzjoni tagħna li maż-żmien kompla jiġi aċċetttat bħala l-aqwa sisien tal-politika barranija tagħna. Tant hu hekk li illum żewġ terzi tal-popolazzjoni f’Malta u f’Għawdex jaqblu mal-politika tan-newtralità.

Malta għamlitha ċara li waqt li hija favur il-paċi, b’soluzzjoni paċifika biex jintemm it-tilwim, fejn jidħlu l-prinċipji u l-valuri tagħna, m’aħniex newtrali. Dwar dan kien ċar hafna l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo meta nhar il-Ġimgħa indirizza l-laqgħa speċjali tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea fi Brussel. Il-Ministru Bartolo rrimarka li filwaqt li Malta hija newtrali militarment, Malta “toqgħod mal-valuri tas-sovranità, l-indipendenza, l-ugwaljanza tan-nazzjonijiet, ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti u r-rifjut tal-użu tal-forza militari biex tbiddel il-fruntieri u timponi arranġamenti ta’ sigurtà fuq pajjiżi oħra. ”

Dan huwa sentiment li jagħmilna kburin bil-pożizzjoni ta’ Malta fil-fora internazzjonali. Minkejja li ninsabu fl-eqqel ta’ kampanja elettorali, il-Ministru Evarist Bartolo nesa l-interessi personali tiegħu u minflok qagħad jikkampanja fid-distretti elettorali  tiegħu, kompla jaħdem barra minn xtutna biex iwassal il-vuċi tar-raġuni fl-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi l-oħra u jiddefendi l-interessi tal-poplu tagħna biex jilqa’ għal kull sfida li tista’ tippreżenta l-kriżi Ukrena.

Sport