Thursday, March 28, 2024

Is-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Kif inhu mistenni, il-media internazzjonali bħalissa qiegħda tikkonċentra fuq il-ġlieda li qiegħed isir fl-Ukrajna. Però,flimkien ma’ din il-gwerra tradizzjonali, għaddejja gwerra oħra bejn ir-Russja u l-pajjiżi tal-punent, gwerra li d-dimensjoni tagħha tagħmilha l-ewwel waħda tax-xorta tagħha fl-istorja. Din hija gwerra ekonomika intiża sabiex tkisser l-ekonomija ta’ Vladimir Putin permezz ta’ sanzjonijiet massivi li ġew imposti fuq ir-Russja fl-aħħar jiem ta’ Frar li għadda. 

Sanzjonijiet li ssorprendew

Qabel dawn is-sanzjonijiet li qegħdin nitkellmu fuqhom, madwar id-dinja diġà kien hemm kważi 10,000 persuna jew entitajiet li kellhom xi forma ta’ sanzjonijiet imposti fuqhom mill-pajjiżi tal-punent. Però, dawn is-sanzjonijiet ma tantx kienu effettivi. Fil-fatt, anke s-sanzjonijiet li kienu meqjusa bħala l-aktar iebsa, jiġifieri dawn imposti fuq il-Veneżwela u fuq l-Iran, minkejja li kellhom effett ħażin fuq l-ekonomiji ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi, xorta ma laħqux l-għan aħħari tagħhom li jwaqqgħu l-gvernijiet rispettivi tagħhom. Dan forsi wassal sabiex Putin jissottovaluta l-implikazzjonijiet ta’ sanzjonijiet prospettivi li kienu qegħdin jissemmew fil-konfront ta’ pajjiżu kemm-il darba jinvadi l-Ukrajna.

Minkejja li d-dħul tas-sanzjonijiet kontra r-Russja bdew bil-mod ħafna u għall-bidu kienu biss ta’ natura simbolika, il-gvernijiet tal-pajjiżi tal-punent, konxji tas-sentiment tan-nies kontra l-invażjoni tal-Ukrajna mit-truppi ta’ Putin, għażlu li jdaħħlu sanzjonijiet tant iebsa fuq l-ekonomija Russa li jafu jħallu wkoll effetti negattivi fuq l-ekonomija mondjali u allura fuq l-ekonomija tal-pajjiżi li kienu l-protagonisti sabiex dawn ġew implimentati.

X’inhuma s-sanzjonijiet li ddahħħu?

Kif diġà għedna fl-introduzzjoni, s-sanzjonijiet iddaħħlu sabiex jiffriżaw l-ekonomija Russa li tammonta għal kważi 1.6 triljun dollaru Amerikan u hija l-11 l-akbar ekonomija fid-dinja.

Waħda mill-aktar miżuri ibsin li ddaħħlu fuq l-ekonomija Russa hija dik li l-kumpaniji kollha tal-punent, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li joperaw fis-settur tal-enerġija, ma jistgħux jagħmlu negozju mal-banek Russi. Barra minhekk, kien ukoll attakkat b’mod drastiku l-Bank Ċentrali Russu fejn ġew iffriżati xejn anqas minn 660-il biljun ewro f’assi li r-Russja għandha investiti ġewwa pajjiżi ohra. Kif konna diġà rajna f’artikli oħra preċedenti, il-pajjiżi tal-punent keċċew lill-banek Russi mis-sistema ta’ ħlasijiet tan-negozju internazzjonali magħrufa bħala l-Iswift, miżura li sejra tagħti daqqa ta’ ħarta kbira lin-negozji l-kbar Russi.

Naturalment, dawn id-daqqiet kbar li fajru l-pajjiżi tal-punent fuq l-ekonomija Russa kellhom effetti negattivi b’mod immedjat, bil-munita Russa, ir-Rublu jitlef il-valur tiegħu b’28%, telf li mistenni jkabbar l-inflazzjoni b’mod katastrofiku. 

Minbarra li qegħdin jipparalizzaw l-ekonomija ta’ Putin, dawn is-sanzjonijiet qegħdin joħolqu ħafna instabilità ġewwa r-Russja. Diġà bdew jidru kjuwijiet twal ta’ nies jiġbdu kulma kellhom investit ġewwa l-banek. 

Minbarra l-effett finanzjarju dirett, is-sanzjonijiet qegħdin jaffetwaw bil-kbir aspetti oħra tal-ħajja fir-Russja. Rapporti li dehru fuq ġurnali Bulgari qegħdin jgħidu li l-kumpaniji tal-ajru mhumiex qegħdin jirċievu spare parts għall-ajruplani li huma xtraw jew krew mill-punent. 

L-effetti tas-sanzjonijiet fuq l-ekonomija dinjija

Minħabba li kif diġà għedna, dawn is-sanzjonijiet huma mingħajr preċedent, wieħed jista’ biss jispekula fuq l-effetti tagħhom fuq l-ekonomija globali. Naturalment, dan is-sanzjonijiet jafu jirriżultaw f’ritaljazzjoni diretta minn Putin li għandu f’idejh ċertu kontroll fis-settur tal-enerġija. Però, jaf ikun hemm ukoll konsegwenzi indiretti oħra li jafu jibdlu b’mod drammatiku l-mod ta’ kif qiegħed isir in-negozju globali.

L-ewwel u qabel kollox, dawn il-miżuri drastiċi fil-konfront tar-Russja jafu jġiegħlu pajjiżi bħaċ-Ċina u l-Indja, li għandhom denbhom taħt il-blat minħabba l-kwistjonijiet tat-Taiwan u l-Kashmir rispettivament, sabiex jaħsbuha darbtejn li jibqgħu jiddependu ħafna fuq is-sistemi finanzjarji tal-punent għall-kummerċ tagħhom. Hemm ċans tajjeb li dawn iż-żewġ pajjiżi kbar u pajjiżi oħra mmexxija minn gvernijiet awtokratiċi jibdew jaħsbu fuq modi ġodda ta’ kif jistgħu jimmitigaw l-effetti ta’ sanzjonijiet simili fil-konfront tagħhom kemm-il darba jagħmlu xi mossa li ma tinzilx tajjeb mal-pajjiżi tal-punent. Naturalment, dan ikun ifisser telf kbir ta’ flus għall-pajjiżi tal-punent. Ta’ min jgħid madwar id-dinja kollha, gvernijiet ikkunsidrati bħala awtokratiċi għandhom kważi nofs ir-riservi tal-ekonomija mondjali.

Forsi l-aktar mod effettiv ta’ kif il-pajjiżi tal-punent jistgħu litteralment iwaqqfu għalkollox l-ekonomija ta’ Vladimir Putin hija billi jattakkawlu l-akbar sors ta’ dħul tiegħu li ġej kif diġà għedna mill-bejgħ taż-żejt u gass naturali. Kif rajna ukoll aktar ‘il fuq, dan huwa l-uniku settur fin-negozju Russu li miegħu għadu qiegħed isir il-kummerċ mal-punent. Kemm-il darba l-pajjiżi tal-punent jiddeċiedu li jeskalaw is-sanzjonijiet billi jwaqqfu x-xiri taż-żejt u l-gass naturali mir-Russja, dan naturalment sejjer iġib żieda qawwija fil-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti. Ta’ min jgħid li bħalissa, il-prezz taż-żejt diġà qiegħed ikun ta’ piż kbir fuq l-ekonomiji mondjali u żieda oħra taf toħloq piżijiet kbar wisq għal ċertu pajjiżi li diġà qegħdin ħażin ħafna minħabba l-pandemija.

Mid-dikjarazzjonijiet li qiegħed jagħmel Vladimir Putin huwa ovvju li dawn is-sanzjonijiet qegħdin joqorsuh ħafna aktar milli kien qiegħed jistenna tant li anke wasal sabiex jhedded li sejjer juża l-armi nukleari fil-gwerra mal-Ukrajna. 

Interessanti argument li għamel politiku Russu u li ġie kkonfermat minn ġurnali u rivisti stazzjonali fil-punent, li l-Istati Uniti għandhom ħabta jagħmlu kemxa flus minn kull gwerra li tqum. Fil-każ tal-gwerra tal-Ukrajna, l-uniku rebbieħa sa issa huma diversi uffiċċji legali kbar madwar l-Amerika kolla li mill-bidu tal-gwerra bdew idaħħlu l-miljuni sabiex joffru pariri legali lill-kumpaniji kbar ta’ kif għandhom jaffrontaw dawn is-sanzjonijiet.

Ekonomija

Sport