Sunday, December 22, 2024

In-numru ta’ persuni mejtin fit-trombi ta’ Kentucky jaqbeż il-100

Aqra wkoll

In-numru ta’ persuni mejta kawża tat-trombi devastanti li laqtu lil għadd ta’ bliet ġewwa Kentucky mistenni li jaqbeż il-100. Qal dan il-gvernatur tal-istat hekk kif it-tama li jinstabu iktar nies ħajjin taħt it-tfrik qiegħda kulma jmur tonqos. 

Andy Beshear, li huwa l-gvernatur ta’ Kentucky, qal li dan kien l-iktar avveniment devastanti fl-istorja ta’ dan l-istat fejn s’issa huwa kkonfermat li tilfu ħajjithom minn tal-inqas 80 persuna. Beshear qal li kull fejn laqtu t-trombi dawn ma ħallew xejn warajhom ħlief ħerba. Kien irrapportat li 14-il persuna oħra tilfu ħajjithom f’erba’ stati oħrajn li wkoll intlaqtu minn trombi. 

Il-President Amerikan Joe Biden iddikjara dan l-avveniment bħala diżastru federali maġġuri u ordna li l-fondi federali ta’ għajnuna jkunu disponibbli għaż-żoni li l-iktar ġew milquta. Fuq il-post hemm xejn inqas minn 300 membri tal-Gwardja Nazzjonali li qed jaħdmu bla heda biex ineħħu t-tifrik, filwaqt li ħaddiema tas-salvataġġ komplew ifittxu qalb it-tifrik bil-għan li jsibu iktar persuni ħajjin kif ukoll iqassmu l-ilma u generators lir-residenti. 

Hekk kif Beshear kien fi żjara ġewwa Mayfield, waħda mill-iktar bliet li sofrew fil-qilla tat-trombi, hu qal li, “aħna għadna qed nittamaw għal xi miraklu li nsibu iktar persuni ħajjin.” Sfortunatament l-aħħar persuni li kienu nstabu ħajjin qalb it-tifrik kien nhar is-Sibt u għalhekk it-tama qiegħda kulma jmur tonqos. Beshear saħaq li tromba partikolari għamlet ħerba f’żona ta’ 227 mil fejn eluf ta’ persuni spiċċaw bla saqaf fuq rashom u kellhom jiġu evakwati. S’issa għadu mhux magħruf kemm kien hemm persuni li tilfu d-dar. 

Id-distanza li għamlet din it-tromba kienet waħda rekord. Ir-rekord preċedenti kien ta’ tromba li laqtet fl-1925 ġewwa Missouri fejn din kienet laqtet distanza ta’ 219-il mil u kienet ħadet il-ħajja ta’ 695 persuna. 

Ekonomija

Sport