Thursday, December 26, 2024

In-nuqqas ta’ infurzar: problema eterna?

JIKTEB FRANS GHIRXI

Aqra wkoll

Faċilment tinduna li waħda mill-problemi ewlenin f’pajjiżna hija n-nuqqas ta’ infurzar tal-liġijiet. Il-liġijiet ikunu hemm imma sfortunatament rarament jiġu infurzati. Qishom qegħdin hemm għall-parenza.

Għax li ma kienx hekk ma tarax l-abbużi li tara kull fejn iddawwar wiċċek. Dwar kollox. Qegħdin fl-istaġun tas-sajf. Bajjiet mimlijin umbrelel u deck chairs minn lukandi, gabbana u individwi. Nifhem li xi forma ta’ permess ikollhom, għalkemm ma nistax naħlef għal dan mija fil-mija. Imma ejja għall-grazzja tal-argument ngħidu li jkollhom il-permessi meħtieġa. Isiru spezzjonijiet għal għarrieda u regolari biex ikun verifikat jekk min inħariġlu l-permess hux qed jimxi mal-kundizzjonijiet stipulati fl-istess permess? Fosthom l-ammont ta’ kemm stipulat fil-permess.

Dan japplika wkoll għal kull bankina, pjazza, spazju miftuħ li hawn f’pajjiżna. Donnu li dawn l-ispazji flok li nħolqu għan-nies inħolqu għas-sidien tal-lukandi, restoranti, kafetteriji u gabbani. Biex jitgawdew min-nies, in-nies iridu jirrendu lilhom infushom fi klijenti ta’ dawn l-istabbilimenti. Inkella biex tersaq lejhom u tagħmel użu mill-bankina li suppost qegħda għalik ikollok tgħaddi minn bejn skoss imwejjed u siġġijiet.

Riċentement, fil-jiem li għaddew, inħarġu regolamenti ġodda jew regolamenti modifikati għall-aħħar fenomenu f’pajjiżna: faqqsu bħall-bajd tal-aringi n-numru ta’ karozzi bil-pjanċa ‘Y’. Qegħdin naraw li dawn ir-regolamenti qegħdin ikunu applikati? Jew sempliċiment ftit ħsejjes fil-bidu u mbagħad kollox imut fuq ommu? Għaliex ma jingħatax rendikont kull erba’ ġimgħat ta’ kemm saru spezzjonijiet dwar dan? Ta’ kemm irriżultaw kontravenzjonijiet? Ta’ kemm hemm minnhom xufiera barranin, li ċertament m’għandi xejn kontrihom, imma jibqa’ l-fatt li qegħdin jieħdu ħobż il-Maltin u l-Għawdxin. Meta ngħid xufiera barranin ma qiegħed nalludi għall-ebda razza partikolari. Huma min huma. Imma meta tisma’ f’liema kundizzjonijiet jgħixu dawn ix-xufiera allura bilfors titħasseb. Nirreaizzaw jew le li min ħaddem lil dawn in-nies bil-kundizzjonijiet li jħaddimhom qiegħed joffri kompetizzjoni inġusta lil tat-taxis regolari? Sadanittant dawn tal-aħħar qegħdin attenti li ma jarawx sa mneħirhom meta joffru s-servizzi tagħhom?

L-istess fejn jidħlu kirjiet. Nhar il-Ħadd li għadda waħda mill-gazzetti Maltin kellha rapport estensiv dwar kif qegħdin jinkrew kmamar b’ħames jew sitt sodod, ‘bunk beds’. Kiri li jidher li hu legali għax kieku ma jkunx reklamat b’mod uffiċjali. Kuntratti għal kirjiet bħal dawn suppost jgħaddu għall-approvazzjoni tal-Awtorità tad-Djar. Isiru spezzjonijiet biex ikun magħruf x’livell ta’ iġjene jista’ jinżamm minn ħames/sitt persuni f’kamra waħda li jridu wkoll jagħmlu użu mill-istess kamra tal-banju u l-istess dik li suppost tkun kċina?

Tiltaqa’ ma’ każijiet bħal dawk li niltaqa’ magħhom jien fir-rigward ta’ ilma fi fliexken tal-plastik? Pakketti fuq xulxin quddiem supermarkets, xi ħanut tal-merċa, kafetterija, gabbana, esposti għax-xemx. Mhux suppost li kulħadd jaf li ilma bħal dan espost għax-xemx qalilissima tagħna jkun suġġett biex ma jibqgħax tajjeb għall-konsum? Iva allura ma tara lil ħadd jispezzjona dawn l-affarijiet? Nista’ nibqa’ sejjer b’elf suġġett ieħor.

Biex inkun għidt kollox, għandna nies biżżejjed biex naraw li l-liġijiet ikunu infurzati? Biex ikunu obduti? Qegħdin naraw li ma jkollnix spetturi għal dan il-għan li KUMBINAZZJONI jkunu ġejjin mir-razza tat-tliet xadini proverbjali? Dawk li ma jaraw xejn, ma jisimgħu xejn u ma jgħidu xejn.

Finalment, taħseb li kont korrett meta t-titlu għamiltu f’forma ta’ mistoqsija u jmissni kont kategoriku? U għidt In-nuqqas ta’ infurzar: problema eterna

Ilmenti dwar Melita u GO

Qarrej ta’ din il-paġna xtaq li jwassal pubblikament ilment dwar il-kumpanija Melita li tagħha juża servizz. Dan il-qarrej qalli li sa ftit taż-żmien ilu, meta allura kien jagħmel ħafna aktar użu mill-mobajl, kellu ftehim ma’ din il-kumpanija biex kull xahar iżidulu l-kreditu b’€10. Issa, li l-użu li kien qed jagħmel mill-mobajl naqas, iddeċieda li jwaqqaf dan il-ftehim, imma sadanittant kien diġà akkumula, ħallas, €108. Ftit tal-jiem ilu kellu bżonn iċempel u l-‘answering machine’ qaltlu li ma kienx possibbli jagħmel hekk għax kien spiċċalu l-kreditu.

Ovvjament dan il-qarrej mhux se jitkellem ma’ ‘answering machine’ u mar fil-fergħa lil-kumpanija għandha Raħal Ġdid. Baqa’ miblugħ meta ġie infurmat li l-ammont ta’ €108 kien tilifhom la darba waqqaf il-kuntratt! Meta talab spjegazzjoni għal dan, it-tweġiba li ngħata kienet “dik hija l-proċedura”. Bir-raġun li dan il-qarrej ippretenda li l-flus li ħallas jibqgħu disponibbli għalih f’servizz. Imma il-proċedura tal-kumpanija Melita mhux hekk hi.

Issa ngħaddi għal ilment ieħor dwar servizz ieħor, servizz ta’ internet, din id-darba tal-kumpanija GO. Mela tidħol fi ftehim magħhom għal ammont tant u ssib li s-servizz ma jkunx aċċessibbli fid-dar/appartament/flat kollu. Jidħol biss fil-kamra fejn ikollok ‘il-kaxxa’. Mhux qed nitkellmu fuq xi distanza enormi, minn kamra għal oħra. Sadattant tisma’ r-reklamar tal-istess kumpanija jgħidlek li b’żjieda ta’ tant fix-xahar ikollok servizz tal-internet f’kull kamra! Dawn bis-serjetà?

Affarijiet bħal dawn min-naħa taż-żewġ kumpaniji hawn min jgħidlu daħk fil-wiċċ. Hawn min jgħidlu ingann. Ngħid għalija jien ngħidlu atteġġjament inġust u abbuż mill-konsumatur. Nistenna u nippretendi li ż-żewġ kumpaniji jiċċaraw il-pożizzjoni tagħhom dwar dan.

Biedja li taħseb f’kollox

Iż-żewġ ritratti li għaddieli għal-lum seħibna John Pisani juru li l-bdiewa tagħna f’ħidmiethom jaħsbu kemm għall-konsum mill-bniedem kif ukoll mill-annimal. U hekk għandu jkun, għax huma ħoloq li jiffurmaw l-istess katina. Għandna l-bidwi għaddej b’mutur tal-ħart żgħir bejn indani ta’ basal u għandna rombli ta’ qamħ u tiben li se jservu ta’ għalf għall-annimali, fosthom baqar u barrin, li jridu jkunu huma biex ikollna prodotti tal-ħalib u tal-laħam.

Ekonomija

Sport