L-Ewwel 100 Jum: Mandat Ġdid, Malta Ġdida u Gvern li jrid ikompli jwettaq

- Jikteb Andre Buhagiar

Aqra wkoll

L-elezzjoni ġenerali tal-2026 ma kinitx sempliċement elezzjoni oħra. Kienet paġna ġdida fl-istorja politika ta’ pajjiżna. Il-Partit Laburista, taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, ingħata mandat għal raba’ leġiżlatura konsekuttiva — kisba storika fil-politika Maltija. Kull rebħa elettorali ġġib magħha responsabbiltà u jekk hemm lezzjoni waħda li għandna nieħdu mill-aħħar elezzjoni, hija li l-poplu jrid jara r-riżultati.

Għalhekk, l-ewwel 100 jum ta’ dan il-Gvern m’għandhomx ikunu biss 100 jum ta’ ċelebrazzjoni. Għandhom ikunu 100 jum ta’ xogħol, deċiżjonijiet u direzzjoni. Il-mandat ingħata u issa jrid jitwettaq.

Il-poplu għażel kontinwità, iżda mhux passività

Il-Partit Laburista reġa’ kiseb il-fiduċja tal-elettorat għax ippreżenta viżjoni bbażata fuq l-istabbiltà, it-tkabbir ekonomiku u l-kwalità tal-ħajja. Fil-kampanja elettorali, Robert Abela enfasizza l-kontinwità tal-ħidma u viżjoni ffukata fuq il-benesseri u l-kwalità tal-ħajja. Gvern li jkollu mandat ġdid għandu jkun lest li jieħu deċiżjonijiet ġodda, jindirizza problemi ġodda u joffri soluzzjonijiet ġodda. 

Malta tal-lum mhijiex Malta tal-2013. Il-pajjiż kiber. L-ekonomija kibret. Il-popolazzjoni kibret. L-isfidi kibru wkoll u għalhekk iridu jikbru wkoll l-ambizzjonijiet tagħna.

L-ekonomija għandha tkompli tikber, iżda l-frott għandu jasal għand kulħadd

Wieħed mill-akbar argumenti politiċi li wasslu għal din ir-rebħa kien il-qawwa ekonomika ta’ Malta. L-ekonomija Maltija baqgħet turi tkabbir qawwi, b’4% tkabbir matul is-sena ta’ qabel l-elezzjoni u b’livelli baxxi ħafna ta’ qgħad. Fl-istess waqt, Malta kompliet iżżomm prezzijiet baxxi tal-enerġija u tal-fjuwil meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra Ewropej.

Dan huwa riżultat li għandu jiġi rikonoxxut imma politika soċjali demokratika ma tistax tieqaf mal-istatistika. Il-mistoqsija li jmiss għandha tkun: il-familji qed iħossu l-progress? Il-ħaddiem qed iħoss li għandu aktar sigurtà? Il-pensjonant qed jgħix b’aktar serħan tal-moħħ? Iż-żagħżugħ qed jara futur f’Malta? Dawn huma l-mistoqsijiet li l-Gvern għandu jwieġeb matul dan il-mandat.

Il-politika Laburista trid tibqa’ politika għan-nies

Il-qawwa tal-Partit Laburista dejjem kienet li l-politika tiegħu ma tibdiex u ma tispiċċax fiċ-ċentru tal-poter imma tibda fil-komunità, tibda mal-familja, fuq il-post tax-xogħol.

.

Il-Baġit 2026 diġà introduċa numru ta’ miżuri soċjali u ekonomiċi, fosthom żieda fil-COLA, żidiet fil-pensjonijiet, tibdiliet fiskali għall-familji u inċentivi għall-ħaddiema u n-negozji. Issa l-isfida hija li dawn il-miżuri jkomplu jinbidlu f’kwalità ta’ ħajja ghax politika tajba mhijiex biss kemm jonfoq il-Gvern imma hija kemm tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies.

Is-saħħa għandha tibqa’ prijorità nazzjonali

Wieħed mill-oqsma li ma jistgħux jistennew huwa s-settur tas-saħħa. Għandna nkomplu ninvestu fl-isptarijiet, fil-kura primarja, fil-professjonisti tas-saħħa, fit-teknoloġija u f’servizzi aktar effiċjenti imma fuq kollox irridu nkomplu npoġġu l-pazjent fiċ-ċentru.

Il-politika Laburista għandha tkun politika li tagħti lil kull persuna d-dritt li tħares lejn is-servizz tas-saħħa pubbliku b’serħan tal-moħħ. Is-saħħa mhijiex lussu. Is-saħħa hija dritt. Beda x-xogħol fuq l-estensjoni tal-emerġenza u kif wkoll ftuħ multi-miljunarju ta sala ġdida fl-ipstar Mater Dei.

L-infrastruttura: issa rridu pass ieħor

Malta li qed tikber teħtieġ infrastruttura li tlaħħaq mat-tkabbir. Toroq, trasport, parkeġġi, spazji pubbliċi, sistemi ta’ ilma u drenaġġ, infrastruttura marittima u ambjent urbana aħjar għandhom ikunu parti minn pjan nazzjonali wieħed.

Il-Viżjoni Malta 2050 diġà tpoġġi enfasi fuq trasport aktar effiċjenti, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-ħiliet, enerġija aktar nadifa, azzjoni klimatika, ambjent aktar ekoloġiku u r-riġenerazzjoni taż-żoni tal-portijiet.

Issa rridu naraw dawn il-prijoritajiet jinżlu mill-karta għall-art.

Għawdex ukoll għandu jkun fiċ-ċentru

Mandat għal Malta jfisser mandat għal Malta u Għawdex. Ma jistax ikun hemm żvilupp ekonomiku u soċjali veru jekk Għawdex jibqa’ jitqies bħala appendiċi. Għawdex għandu jkollu aktar opportunitajiet ta’ xogħol, investiment, infrastruttura, sport, edukazzjoni u servizzi. Il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer għandha tkompli titjieb u l-ekonomija Għawdxija għandha tkun parti mill-viżjoni nazzjonali.

L-ewwel 100 jum mhumiex it-tmiem — huma l-bidu

Meta niġu biex niġġudikaw l-ewwel 100 jum, m’għandniex inħarsu biss lejn kemm ittieħdu deċiżjonijiet. Irridu nħarsu lejn kemm nies qed iħossu d-differenza; jekk familja qed tgħix ftit aħjar, jekk żagħżugħ qed jara aktar opportunitajiet, jekk pensjonant qed iħoss aktar sigurtà, jekk pazjent qed jirċievi servizz aħjar, jekk ħaddiem qed iħoss li x-xogħol tiegħu għandu aktar valur.

Dak huwa s-suċċess veru. Il-Partit Laburista kiseb mandat storiku. L-ewwel 100 jum kienu l-ewwel kapitlu ta’ mandat li jrid iwassal Malta għal livell ġdid. Il-poplu tkellem. Il-mandat ingħata u issa jmiss lill-Gvern jkompli jitkellem permezz tal-ħidma tiegħu. Il-politika mhijiex biss li tirbaħ elezzjoni. Il-politika hi li, wara li tirbaħ, tibqa’ denja tal-fiduċja li tak il-poplu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport