Titħabbar skeda ġdida għas-servizz tal-ferry b’estensjoni fil-ħinijiet sa tard filgħaxija

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Mobbiltà Sostenibbli ħabbar estensjoni fil-ħinijiet tal-operat tal-ferry, li issa se jkunu qegħdin joperaw sa tard filgħaxija, miżura elettorali li qed tidħol fis-seħħ fl-ewwel mitt jum ta’ din il-leġiżlatura u li se tkompli ssaħħaħ dan is-servizz popolari.

L-estensjoni se tapplika għaż-żewġ servizzi tal-ferries offruti fil-portijiet li jgħaqqdu lil Tas-Sliema u Bormla mal-Belt Valletta, kif ukoll għas-servizzi tal-fast ferry li jgħaqqdu l-Belt Valletta, Tas-Sliema u Buġibba f’Malta mal-Imġarr Għawdex.

Din il-miżura se tagħmilha possibbli għal aktar passiġġiera li jagħmlu użu mill-ferry bħala parti mill-vjaġġ tagħhom anke f’ħinijiet aktar tard matul il-ġurnata, filwaqt li tkompli tkabbar l-għażla ta’ dan it-trasport pubbliku bħala alternattiva vijabbli, konvenjenti u effiċjenti minflok l-użu tal-karozza privata.

L-iskeda l-ġdida se tibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Ottubru 2026, meta tintemm l-iskeda tas-Sajf u tidħol fis-seħħ l-iskeda tax-Xitwa. L-iskeda tax-Xitwa l-ġdida se tkun qed tinkludi wkoll vjaġġi addizzjonali, sabiex is-servizz ikun jista’ jakkomoda aħjar id-domanda tal-passiġġieri u jkompli jirrispondi għad-domanda u l-ħtiġijiet ta’ dawk li jagħmlu użu minn dan il-mezz ta’ trasport.

Il-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli Chris Bonett qal li din il-miżura hija pass importanti fit-tisħiħ tal-konnettività bejn il-lokalitajiet u l-gżejjer tagħna, wara li aktar kmieni din is-sena ġiet introdotta r-rotta bejn Tas-Sliema, Buġibba u Għawdex, li ntlaqgħet tajjeb ħafna. “Fi żmien tliet xhur minn meta introduċejna din ir-rotta fil-bidu ta’ Mejju, mal-250,000 passiġġier użawha bħala parti mill-vjaġġ tagħhom. Dan juri biċ-ċar id-domanda li teżisti għal servizzi ta’ trasport li jkunu affidabbli, effiċjenti u li jagħtu lin-nies alternattiva għall-karozza privata,” qal il-Ministru Bonett.

Huwa saħaq li l-Gvern se jkompli jinvesti u jsostni servizzi li jagħmluha aktar faċli għan-nies biex jagħżlu mezzi ta’ trasport alternattiv u jnaqqsu d-dipendenza fuq il-karozza privata. Fost dawn huwa semma s-servizz ġdid li se jkun qed jgħaqqad lil Marsaskala flimkien mal-Belt Valletta meta jitlesta x-xogħol infrastrutturali fuq il-moll u l-ferry terminal ta’ Wied il-Għajn.

Il-Ministru Bonett spjega wkoll li s-servizz tal-ferries huwa parti mill-pjan Malta in Motion, li permezz tiegħu qed jitfassal sistema ta’ trasport aktar integrata, fejn il-mezzi differenti ta’ trasport jaħdmu flimkien biex joffru esperjenza aħjar lill-passiġġieri. Huwa spjega kif is-servizz tal-ferry qed ikun integrat ma’ mezzi ta’ trasport oħra, fosthom Tallinja, biex il-pubbliku kun jista’ jinkorpora diversi mezzi ta’ trasport fi vjaġġ wieħed b’mod faċli.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Leonid McKay  qal li “Meta d-domanda tikber, il-Gvern irid iwieġeb b’aktar servizz u aktar għażla. Ir-rekord ta’ passiġġieri li qed jużaw il-fast ferry juri biċ-ċar li n-nies iridu alternattivi għall-karozza privata. Għalhekk qed inżidu l-vjaġġi, inwessgħu l-ħinijiet u nsaħħu l-konnettività bejn Malta u Għawdex, bejn il-komunitajiet u fil-portijiet tagħna. Dan mhux sempliċiment tibdil fl-iskeda imma huwa investiment f’sistema ta’ trasport aktar moderna, effiċjenti u affidabbli. Aktar vjaġġi, aktar flessibbiltà, aktar għażla, għax it-trasport pubbliku għandu jaħdem għan-nies.”

B’din l-estensjoni, se jkunu qed jiżdiedu tliet vjaġġi addizzjonali għal kull servizz fil-portijiet u żewġ vjaġġi addizzjonali għas-servizz tal-Fast Ferry, kemm dak li jitlaq mill-Belt Valletta kif ukoll dak li jitlaq minn Tas-Sliema u Buġibba. Din l-estensjoni hija miżura oħra li permezz tagħha l-Gvern qed ikompli jwettaq il-wegħdiet elettorali tiegħu, filwaqt li jsaħħaħ servizz li qed isir dejjem aktar parti importanti fil-mod kif in-nies jivvjaġġaw bejn post għall-ieħor.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport