Ir-raġel li allegatament deher jaqla’ ħabbata ta’ residenza f’Tas-Sliema tressaq fil-Qorti u baqa’ jinżamm arrestat.
Ir-raġel huwa Michael Oluwafemi Tewogbola, Niġerjan ta’ 47 sena li m’għandux indirizz fiss f’pajjiżna.
Huwa kien mixli li fil-lejl ta’ bejn it-13 u l-14 t’April, seraq flus lil persuna fil-Gżira. Huwa kien mixli wkoll li fit-13 t’April, seraq flus lil persuna f’San Paw il-Baħar.
Tewogbola ġie mixli wkoll li fid-29 ta’ Awwissu wettaq serqa minn residenza f’Tas-Sliema, li kiser sentenza tal-Qorti u li għex ħajja t’għażż u vagabondaġġ.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi iżda baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li kellu t-talba għall-ħelsien mill-arrest miċħuda mill-Qorti.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Marcea Fenech mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Warren Galea u Joseph Buhagiar.


