Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Kunsill Lokali tar-Rabat inawgura l-proġett ta’ restawr tal-binja tal-Kunsill Lokali tar-Rabat (Malta), Dar ir-Rabtin. Binja li se sservi wkoll il-bżonnijiet tal-komunità Rabtija. Dar ir-Rabtin, li tinsab fiċ-ċentru tal-lokalità, sarilha xogħol ta’ restawr estensiv sabiex isservi għal diversi għanijiet, kemm dawk relatati ma’ ħidmet il-Kunsill u kif ukoll dawk soċjali u edukattivi.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela faħħar il-ħidma tal-Kunsill Lokali favur il-komunità Rabtija, fejn wettqu dan l-investiment biex ikomplu joffru l-aqwa servizz lir-residenti. Huwa sostna li l-Gvern qed ikompli jsaħħaħ ir-riżorsi li jagħti lill-Kunsilli Lokali, kif ukoll qed ikompli jinvolvihom fid-deċiżjonijiet dwar il-lokalitajiet tagħhom. Innota inizjattivi li qed isiru fir-Rabat anki bil-għan li aktar servizzi jkunu qrib il-komunità, fosthom dawk fil-periferija tal-lokalità.
Il-Prim Ministru rrefera għall-Kunsilli Lokali bħala l-kollaboraturi ewlenin fil-proġetti li jrid jwettaq il-Gvern u fil-bidliet li rridu nagħmlu bħala pajjiż. Huwa appellalhom biex ma jibżgħux ikunu l-aġenti għal bidla u biex ikollhom il-kuraġġ li għada jagħmluh aħjar mil-lum. “Intom ġejtu fdati, mill-komunità li għażlitkom, biex tmexxu ’l quddiem il-bidla bil-għan li jkollna komunitajiet isbaħ, iktar inklussivi u fuq kollox sostenibbli għal ġid ta’ uliedna. F’dan kollu l-Gvern se jkun sieħeb magħkom. Nawguralkom wisq aktar ħidma b’risq il-komunità”, sostna Dr Abela.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nnota b’sodisfazzjon it-tlestija ta’ dan il-proġett ta’ restawr li sar b’investiment ta’ madwar miljun ewro. Huwa enfasizza kif din il-binja storika ġiet attrezzata b’mod modern biex tkun aktar aċċessibbli għar-residenti u tkompli isservi lill-komunità b’mod effettiv. Il-Ministru Bonnici temm billi faħħar il-ħidma li qed issir mill-Kunsilli Lokali li qed ikomplu jġibu bidla pożittiva fil-ħajja tar-residenti tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli semmiet kif il-Kunsilli Lokali huma l-ewwel punt ta’ referenza għaċ-ċittadini u li tul dawn il-31 sena ħadmu u servew viċin ir-residenti u indirizzaw l-bżonnijiet tal-familji Maltin u Għawdxin. Hija kompliet li din il-binja se sservi biex itejjeb aktar l-aċċess għar-Rabtin u dawk kollha li se jagħmlu użu minnha. Is-Segretarju Parlamentari faħħret lis-Sindku, il-Kunsilliera, s-Segretarju Eżekuttiv u l-ħaddiema kollha tal-Kunsill Lokali tar-Rabat għax-xogħol li qegħdin iwettqu.
Is-Sindku tal-Kunsill Lokali tar-Rabat, Sandro Craus semma x-xogħol importanti li qed jitwettaq fil-lokalità, minn proġetti u titjib infrastrutturali għal inizjattivi favur il-komunità. “Wara dan ix-xogħol kbir li twettaq biex din il-binja ġiet restawrata issa jmiss li tikber il-ħidma biex ninsġu ideat ħa nwettqu proġetti ta’ fejda għar-residenti Rabtin fil-qasam infrastrutturali, edukattivi u soċjali”, qal Sandro Craus.