Monday, December 23, 2024

Inawgurat proġett ta’ tisbiħ ta’ bandli fix-Xagħra Għawdex

Aqra wkoll

B’finanzjament mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali permezz tal-iskema ‘Finanzjament għall-Iżvilupp u Titjib fil-Kundizzjonijiet tal-Playing Fields fil-Lokalitajiet f’Malta u Għawdex’, il-proġett tal-Kunsill Lokali tax-Xagħra sar b’investiment ta’ €40,000.

Il-fond totali għal din l-iskema kien jammonta għal madwar €668,000 u b’kollox ibbenefikaw minn din l-iskema 27 kunsill lokali madwar Malta u Għawdex.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli flimkien mas-Sindku tal-Kunsill Lokali tax-Xagħra Christian Joseph Zammit inawguraw proġett ta’ tisbiħ f’playing field fil-lokalità Għawdxija tax-Xagħra, li tinsab f’Vjal it-Tmienja ta’ Settembru.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clint Camilleri qal li dan il-Gvern kommess li jkompli jżid aktar spazji miftuħa għall-familji tagħna fosthom anki permezz ta’ proġetti ta’ tisbiħ ta’ spazji rikreattivi bħal dan li ġie inawgurat fix-Xagħra.

Dan il-proġett kien jinkludi t-tibdil tat-tagħmir tal-logħob tal-bandli flimkien ma’ safety flooring ġdid biex ikun konformi mal-istandards tas-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk li jużawh.

Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli qalet li madwar 27 lokalità u residenti rispettivi ta’ dawn il-lokalitajiet se jgawdu minn titjib fi playing fields eżistenti jew minn żvilupp ta’ playing fields ġodda.

Is-Sindku tax-Xagħra Christian Zammit sostna li permezz ta’ fondi mogħtija mill-Gvern setgħu jkomplu jsebbħu l-lokalità tax-Xagħra, Għawdex.

Għall-konferenza tal-aħbarijiet kienu preżenti wkoll diversi membri tal-Kunsill Lokali tax-Xagħra.

Ekonomija

Sport