B’investiment ta’ kważi €4 miljun ġiet inawgurata binja ġdida ta’ akkomodazzjoni soċjali fil-Qrendi li se tkun qed tilqa’ fiha 26 familja. Din il-binja tinkorpora fiha wkoll 20 garaxx għar-residenti.
Fi żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes spjega li l-investiment fl-akkomodazzjoni soċjali qed isir mhux biss sabiex jingħata saqaf sigur imma wkoll sabiex ikun provdut ambjent dinjituż fejn il-familji jkunu jistgħu jabitaw f’residenza li tkompli tgħolli l-kwalità tal-ħajja.
“Irridu nkunu ta’ spalla għal dawn il-familji sabiex ikunu jistgħu jabitaw f’residenza li toffri ġejjieni sabiħ kemm għalihom kif ukoll għal uliedhom. Sabiex inkomplu niżguraw dan, rajna li dan l-investiment isir f’żona mill-isbaħ li joffri r-raħal pittoresk tal-Qrendi,” qal il-Ministru Galdes.
Huwa sostna li l-kordinazzjoni fi proġetti bħal dawn hija kruċjali u rringrazzja lill-Awtorità tad-Djar, lil Malita Investment plc u lill-ħaddiema kollha li ħadmu biex dan il-proġett isir realtà.
Dan il-proġett huwa t-tieni minn tliet proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali li qed isir fil-Qrendi, bl-ewwel proġett li twettaq b’suċċess offra 11-il unit ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali.
“Ħerqan sabiex inkomplu l-ħidma fuq it-tielet proġett t’akkomodazzjoni soċjali f’din il-lokalità sabiex it-total ta’ familji li se jibbenefikaw minn dawn il-proġetti soċjali fil-Qrendi se jkun qiegħed jammonta għal 61 familja,” qal il-Ministru Galdes.
Temm jgħid li dan il-proġett ikompli juri l-qalb soċjali tal-Gvern u l-għaqal tiegħu sabiex mhux biss tikber l-ekonomija imma jaraw ukoll li l-ġid jitqassam b’mod ġust u jkunu ta’ spalla għal kull individwu fis-soċjetà tagħna.