Monday, December 9, 2024

Inawgurata klinika ġdida għall-komunità fil-Qala Għawdex

Aqra wkoll

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela flimkien mal-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri inawguraw klinika ġdida għall-komunità fil-Qala, Għawdex.

Din il-Klinika se tkun qed toffri s-servizzi ta’ tabib tal-familja, speech and language pathology, Fiżjoterapija, Podjatrija u s-servizz ta’ Screening tal-Għajnejn li se jkun l-ewwel servizz tax-xorta tiegħu fi Klinika fil-Komunità f’Għawdex. Ser ikun possibbli li s-servizzi jiġu offruti mill-istess professjonist u b’hekk il-pazjenti jkollhom kura kontinwa mal-istess professjonist. 

Din il-klinika ġdida, li x-xogħlijiet fuqha saru mill-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, kienet parzjalment iffinanzjata mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali (NDSF), u se tkun qed taqdi ’l fuq minn 2,500 persuna residenti l-Qala kif ukoll persuni li jgħixu fil-madwar.

Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega kif b’dan il-mudell qed ikomplu jpoġġu l-pazjent fiċ-ċentru tal-kura fil-livell tas-saħħa primarja. Il-pazjenti se jkunu qed jibbenefikaw ukoll minn aċċessibilità sħiħa għas-servizzi professjonali f’waqthom bl-għajnuna tas-sistema kompjuterizzata tal-Electronic Patient Record. Kompla jispjega li permezz tal-kunċett tal-kontinwità tal-kura se jkunu qed jagħtu s-setgħa lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa primarja biex ikunu jistgħu jilħqu livell ogħla ta’ servizz għall-benefiċċju tal-pazjenti.

“Il-Gvern jibqa’ kommess li jkompli jinvesti u jsaħħaħ il-kura primarja fil-komunità sabiex b’hekk inkomplu noffru servizz tas-saħħa tal-ogħla livell”, temm jgħid il-Ministru Abela.

Min-naħa tiegħu, l-Ministru Clint Camilleri stqarr li “Wara li ftit tax-xhur ilu ftaħna l-kliniċi għall-komunità fl-Għarb u fil-Belt Victoria issa ftaħna t-tielet ċentru fil-Qala sabiex inkomplu nilħqu l-esiġenzi tas-saħħa tal-Għawdxin. Ix-xogħlijiet li twettqu f’din il-binja jkomplu jixhdu l-impenn tagħna lejn it-titjib tal-infrastruttura u s-servizzi tal-kura tas-saħħa f’Għawdex, għall-ġid tar-residenti u tal-professjonisti mediċi.”  

Il-Ministru Camilleri temm jgħid li l-pazjenti issa se jkollhom kura tas-saħħa f’ambjent modernizzat u komdu, filwaqt li l-professjonisti mediċi jibbenefikaw minn faċilitajiet imtejba li jiffaċilitaw ix-xogħol tant importanti tagħhom.

Ekonomija

Sport