Wednesday, April 24, 2024

Żwiemel: Jittellgħu l-poloz tal-Kampjonat Executive għall-Klassi Silver

Aqra wkoll

Il-finali tal-ħames edizzjoni tal-Kampjonat Executive Security għall-kategorija Silver se ssir nhar il-Ġimgħa 5 ta’ April. Id-Direttur tal-Kumpanija Stephen Ciangura, li huwa wkoll sid taż-żwiemel, ċertament jaf is-sagrifiċċji li jagħmlu s-sidien u l-ġerrejja sabiex jippreparaw iż-żwiemel tagħhom u japprezza l-fatt li kulħadd ikun qed jistenna bil-ħerqa kompetizzjonijiet bħal dawn.

Din is-sena n-numru ta’ parteċipanti li ħadu sehem fil-fażi preliminarja kien wieħed konsiderevolment aktar minn dak tas-sena l-oħra hekk kif matul id-9 u l-10 ta’ Marzu 101 żiemel ipparteċipaw f’9 heats meta fl-2023 kienu saru 7 heats b’74 żiemel. It-tliet semi finali saru nhar il-Ħadd 24 ta’ Marzu sabiex mit-33 li ġrew saru magħrufa t-tnax-il finalist fejn minn dak li rajna s’issa jidher li se jkollna finali ta’ livell għoli.

Kull finalist se jkun qed jingħata numru personalizzat biex jintuża fil-finali u wara jinżamm bħala tifkira. Se jitqassmu total ta’ €1775 fi premjijiet u trofej lil dawk li jispiċċaw fl-ewwel erba’ pożizjonijiet. Iż-żiemel rebbieħ jingħata wkoll għata kommemorattiva.

Għat-tlugħ tal-poloz kien hemm is-sidien taż-żwiemel finalisti fil-preżenza tal-Manager Amministrattiv ta’ Executive Security Services Iler Ciangura, il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Equidrome Matthew Brincat u l-viċi Chairman tal-Malta Racing Club Tony Demanuele.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport